Lokali Qorti

Ħabs u multa wara li hedded lill-eks sieħba tiegħu u spara harpoon lejn il-bieb tagħha

Raġel ta’ 40 sena minn tal-Pietà ġie kundannat sentejn ħabs u mmultat €7,000  mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li għal diversi drabi hedded u ta fastidju lill-eks maħbuba tiegħu. Il-mara qalet fil-Qorti  li f’okkażjoni minnhom spara harpoon lejn il-bieb tar-residenza tagħha.

Il-koppja kienu f’relazzjoni li damet madwar sentejn u f’perjodu minnhom kienu anke jgħixu flimkien. F’Awwissu 2020, il-mara tterminat ir-relazzjoni tagħhom iżda l-akkużat baqa’ jgħid li jħobbha u li jixtieq li jerġgħu lura għal li kienu. Hija ma xtaqitx u fil-fatt qatgħet il-kuntatt li kellha miegħu. L-akkużat ma aċċettax dan l-istat ta’ fatt u baqa’ jiffittaha u jipprova jikkomunika magħha biex jerbaħa lura.

Fix-xhieda tagħha l-vittma qalet li hi u l-akkużat kienu f’relazzjoni u li t-tnejn kienu jużaw sustanzi relatati mad-droga. Wara sena li kienu ilhom flimkien, l-akkużat reġa’ waqa fil-vizzju tad-droga u tax-xorb u ma setatx tkompli miegħu, anke minħabba li hija kienet miexja fit-triq it-tajba biex toħroġ mill-problema..

Qalet li l-komportament tiegħu fir-relazzjoni kien pjuttost odjuż u darba minnhom saħansitra spara harpoon fuq il-bieb tagħha. Tenniet li qabel  ġiet imposta fuqu Ordni ta’ Protezzjoni fil-konfront tagħha mill-Qorti. Għamel ukoll żmien jiskonta sentenza oħra fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u tul dak iż-żmien kien iċemplilha regolarment u hi kienet tirrispondih biex tipprova tgħinu.

Kompliet tgħid li fid-19 ta’ Novembru 2020, hu ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor u kif  ħareġ mill- Faċilità Korrettivà  ta’ Kordin reġa’ beda jċemplilha fuq it-mobile. Qalet li hi bblokkat in-numru tiegħu mill-mobile tagħha iżda hu beda jċempilha minn telefowns oħrajn, fosthom ta’ missieru, ta’ oħtu u anke dak tad-dar.  

Fit-22 ta’ Novembru 2020, oħt l-akkużat ċemplitilha biex tavżaha li ħuha kien fis-sakra u li kien sejjer id-dar tagħha. Fil-fatt, l-akkużat mar  u beda jħabbat fuq il-bieb u jgħid “Oħroġ. Oħroġ. Oħroġ.”. Qalilha biex ma ċċempillx lill-pulizija għax ipatthielha. Dak il-ħin ċemplet lill-pulizija u ħaduħ magħhom. L-għada ratu fejn il-post tax-xogħol tagħha u spiċċaw jiġru wara xulxin f’Birkirkara. Beda jgħidilha “Jekk se ċċempel lill-pulizija se tpattiha”. Dakinhar marret tagħhmel rapport mas-sezzjoni tal-vjolenza domestika fi ħdan il-korp tal-pulizija.

Xehdet ukoll l-ispettur Audrey Micallef fejn ikkonfermat dak kollu li qaltilha l-mara, fuq ir-rapport li għamlet. Qalet li l-vittma ma rieditx tagħmel ‘Risk Assessment’ dakinhar peress li kienet diġà għamlet wieħed ftit żmien qabel Għalhekk ordnat l-arrest tiegħu u meta l-Pulizija marru fir-residenza tiegħu ma setgħux jarrestawh peress li kien fis-sakra. Meta sussegwentement mar l-għassa tal-Ħamrun biex jiffirma l-‘bail book’, il-pulizija arrestawħ u hi kellmitu.

Qalet li l-eks sieħba tiegħu kienet ċemplitilha kemm-il darba biex tgħidilha li qed tħossha imbeżża’ ħafna minnu u serħitilha rasha li se żżid il-patrol tal-pulizija fejn ir-residenza taghħa. Mis-Social Inquiry Report mħejji u ppreżentat mill-Uffiċjal tal-Probation Marilyn Formosa, jirriżulta li l- akkużat qiegħed jieħu l-kura psikjartrika meħtieġa sabiex jegħleb id-diffikultajiet li għandu.

Jirriżulta li kellu xi probelmi fit-trobbija tiegħu li affettwawlu parti minn ħajtu, però hu determinat li jirranġa ħajtu u anke għandu impjieg lest għaliħ. Sostniet li hu qed jikkowopera mal-professjonisti li qed jgħinuħ u qed isegwi l-kura u taħriġ mogħti lilu.

Ir-raġel li għandu problema ta’ droga kien qed jiffaċċa 1-il akkuża fejn fuq sitt minnhom ġie lliberat. Minbarra fastidju u fastidju kontinwat, huwa nstab ħati li kkaġuna biża fuq il-mara, li hedded b’meżżi ta’ kommunikazzjoni u li kiser ordni ta’ protezzjoni.

Huwa ma nstabx ħati li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra f’post pubbliku, li ħareġ barra mill-limiti tal-provolazzjoni,li kiser ordni ta’ probation u lanqas li sar riċediv peress li l-prosekuzzjoni ma ressqet ebda prova ta’ sejbien ta’ ħtija precedenti. Il-prosekuzzjoni mill-Ispettur Audrey Micallef.