Basketball Sport

Hibernians jispiċċaw fl-ewwel post u dirett fil-finali

Colin Schembri

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

ARMS Depiro 38

Caffè Moak Luxol 68

(7-18)(5-11)(13-22)(13-17)

ARMS Depiro: M. Caruana, Ni. Agius 7, J. Xerri 1, J. Mallia, No. Agius 3, C. Ciantar 9, N. Hili 2, N. Ebejer 2, N. Borg 8, C. Fenech, K. Koshuta 7.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace 8, V. Selvaggi, S. Pace 12, H. Galea, P. Marcal 20, A. Borg, P. Ellul 5, M. Camilleri, J. Diaby 23.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Fanny Fabok

Iż-żewġ timijiet kienu diġa ċerti mid-destin tagħhom għal dan l-istaġun u din il-partita serviet għaż-żewġ coaches għall-impenji futuri bil-Luxol fil-playoffs u bid-Depiro fil-finali tan-Knock-out. Luxol fetħu l-partita bi trippla ta’ Sarah Pace fil-waqt li Depiro wieġbu bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Kelly Koshuta. Dawn però kienu l-uniċi punti tagħhom fit-taqsima u minn hemm ‘l quddiem saru biss punti minn Luxol. Huma kellhom it-trippli minn Josephine Diaby, Paula Ellul u Palmira Marcal għal skor ta’ 18-7. Fit-tieni perjodu, Luxol komplew bil-punti bi break ta’ 9-0 fosthom trippla oħra ta’ Marcal. Depiro finalment wieġbu bi trippla ta’ Nicole Agius però fl-intervall Luxol kienu 29-18 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Luxol żammew vantaġġ ta’ 15 –il punt 37-22. Hawn però Luxol għamlu run oħra ta’ 14-3 bi trippli ta’ Pace u Marcal flimkien ma’ Diaby u Lisa Fenech Pace għal skor ta’ 51-25. Fl-aħħar taqsima, l-partita kienet diġa deċiża għalkemm Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ b’aktar punti minn Diaby, Marcal u Fenech Pace. Iż-żewġ coaches taw ħin lill-players ta’ fuq il-bank hekk kif Luxol ħarġu rebbieħa 68-38.

Starlites Naxxar 59

Hibernians 74

(10-20)(15-15)(12-13)(22-26)

Starlites: M. Zammit Cordina 9, M. Riolo 12, A. Saliba 1, M. Bonett 13, K. Portelli 1, A. Simmons 21, M. Fenech , S. Davies 2, C. Curmi 2.

Hibernians: K. Conti, I. Agius, Y. Bonett 12, A. Van Vliet 19, J. Abela 6, K. Jenkins 22, N. Farrugia, K. Caruana 9, K. Fenech, J. Dabic 6.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic,Fiorentina Ciurariu, Ionut Ciurariu

Hibs ħadu r-rebħa li kellhom bżonn kontra Starlites Naxxar biex issa temmew l-ewwel fażi fl-ewwel post u kkwalifikaw direttament għall-finali tal-kampjonat. Starlites issa jiffaċċjaw lil Caffè Moak Luxol fis-semi-finali li huma wkoll l-avversarji tagħhom fil-finali tat-tazza Louis Borg. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn wara li Starlites marru minn fuq wara trippla ta’ Mikela Riolo, Hibs ippareġjaw biil-punti ta’ Ylenia Bonett u Ashleigh Van Vliet. Hibs komplew bi break ta’ 8-0 bil-punti ta’ Bonett u Kenyotta Jenkins għal skor ta’ 20-10. Hibs komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni sessjoni u kellhom trippla minn Jasmine Abela. Wara kienu Starlites li bdew jagħmlu l-punti speċjalment bil-punti ta’ Amelia Simmons flimkien ma’ Maria Bonett. Wara trippla fuq kull naħa, kienu Hibs li daħlu jistrieħu 10 minn fuq 35-25.

Wara l-intervall, Starlites bdew b’basket ta’ Simmons però Abela għamlet trippla oħra għal Hibs segwita mill-punti ta’ Bonett u Jenkins. Starlites irrispondew permezz ta’ Riolo u Michela Zammit Cordina qabel ma Bonett, Jenkins u Kirsty Caruana għamlu l-aħħar punti ta’ Hibs li temmew it-taqsima minn fuq 48-37. L-aħħar taqsima fetħet bil-punti ta’ Julija Dabic flimkien ma’ trippla ta’ Bonett u komplew ikabbru l-vantaġġ. Starlites kellhom risposta minn Bonett, Riolo u Andie Saliba però l-vantaġġ ta’ Hibs kien biżżejjed biex il-Pawlisti joħorġu rebbieħa 74-59.