i
Il-Kremlin ta’ Moska rrefera għal żvilupp ġdid fil-gwerra tal-Ukrajna li, skont il-kelliema tiegħu, ‘ma joħloqx klima ideali’ għal taħditiet dwar il-paċi mal-Gvern Ukren.
Dan meta r-Russi qed jgħidu li l-ħelikopters tal-qawwiet Ukreni, fl-aħħar sigħat, attakkaw depot taż-żejt fir-reġjun ta’ Belgorod li jinsab fit-territorju tar-Russja u lejn it-tramuntana mill-Ukrajna.
Għaldaqstant, żdied l-inkwiet li s-sitwazzjoni fir-reġjun tal-konflitt għandha tiggrava u meta l-gwerra, issa, daħlet fil-ħames ġimgħa tagħha.
Fil-każ ta’ konferma ċara li l-azzjoni seħħet tassew mill-qawwiet Ukreni, din tkun l-ewwel darba li l-gwerra tal-Ukrajna ‘infiltrat’ għall-artijiet tar-Russja u fejn is-sitwazzjoni, imbagħad, kapaċi tiggrava b’mod sinifikanti. Intant, il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, la kkonferma u lanqas ma ċaħad responsabbiltà għall-‘attakk’ f’isem pajjiżu.
Dan waqt li komplew jiċċirkolaw il-filmati – maħruġa mir-Russja — ta’ tankijiet tal-fuel li qegħdin jaqbdu f’dik iz-zona partikulari ta’ Belgorod.
Il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, Dmitry Peskov, sadanittant wieġeb għall-mistoqsijiet dwar jekk l-allegat attakk jikkostitwix eskalazzjoni tal-konflitt fl-Ukrajna. Peskov, min-naħa tiegħu, sostna li azzjoni bħal din ‘ma tistax titqies bħala xi ħaġa li toħloq il-kundizzjonijiet ideali għat-tkomplija tan-negozjati ( mal-Ukrajna).’
Dmitry Peskov qal ukoll li l-awtoritajiet Russi kienu qed jagħmlu minn kollox possibbli biex jorganizzaw mill-ġdid is-sistema għall-proviżjoni ta’ fuel u biex jevitaw il-problemi għall-provvisti tal-enerġija f’Belgorod u l-madwar.
//= $special ?>