Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Mariupol tibqa’ mira ewlenija tar-Russi…bl-evakwazzjoni ta’ ċivili posposta mill-ġdid

Il-qawwiet Russi qegħdin jagħmlu minn kollox biex jissikkaw il-morsa fuq il-belt Ukrena ta’ Mariupol wara l-battalji ħorox tal-aħħar ġimgħat għall-kontroll tat-territorju.

F’każ li l-militar ta’ Moska jirnexxilu jieħu r-riedni f’Mariupol, ir-Russi jkunu jistgħu jikkontrollaw il-kosta mal-Baħar ta’ Azov bejn ir-Russja u l-penisola tal-Krimea li r-Russi kienu ħatfu lill-Ukrajna fl-2014.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-ogħla awtoritajiet fl-Ukrajna u r-Russja approvaw pjan għal aktar evakwazzjonijiet ta’ ċivili minn Mariupol, fejn is-sitwazzjoni għar-residenti saret tassew iddisprata. Madankollu l-aħħar rapporti qalu li t-tentattivi biex jinħarġu ċ-ċivili mill-inħawi kellhom ikunu posposti minħabba li ċ-ċirkustanzi ma kenux jippermettu.

Dan meta l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar kien qed jaħdem fuq il-pjani biex imexxi konvoj ta’ għexieren ta’ karozzi tal-linja u vetturi privati ‘il barra minn Mariupol, fost tamiet li jsalvaw ‘il-massimu taċ-ċivili li għadhom f’dik il-belt’.