Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Suċċessi militari ‘limitati’ għall-Ukreni…bis-sitwazzjoni tibqa’ fluwida

Il-konsulenti għall-Gvern tal-Ukrajna qalu li l-qawwiet tal-President Volodymyr Zelensky irnexxielhom jitfgħu lit-truppi tar-Russja lura minn zoni lejn il-grigal u l-majjistral tal-belt kapitali ta’ Kiev.

U għalkemm is-sitwazzjoni baqgħet fluwida, l-iżviluppi fl-inħawi indikaw disfatta militari oħra għas-suldati tal-Kremlin li ftit qegħdin jagħmlu progress fl-invażjoni tal-Ukrajna.

U minkejja s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti f’Mariupol, id-difensuri Ukreni f’din il-belt qed ikomplu bir-reżistenza tagħhom fost il-bumbardamenti kontinwi mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja.

Rapporti oħra qalu, intant, li l-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippruvaw jiċċirkondaw il-belt ta’ Chernihiv, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna. Dan minkejja rapporti inizjali li t-truppi ta’ Moska kienu ħarġu ‘il barra ‘għal kollox’ mill-inħawi.

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit, fl-istess ħin, indika li l-militar Ukren ‘qed ikompli bil-kisbiet impressjonanti iżda limitati’ waqt il-ġlied mat-truppi tal-Kremlin lejn il-lvant u l-grigal ta’ Kiev.