Fir-Russja, ftit tas-sigħat ilu, daħlu fis-seħħ regoli ġodda biex il-pajjiżi tal-Punent jibdew iħallsu bir-rubli għall-gass ipprovdut lilhom mir-Russja.
Fil-fatt, id-deadline ‘għall-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Punent ma’ dan il-pass ġdid ekonomiku’ għalaq f’nofs il-lejl – b’Moska qed thedded li tirrifjuta l-provvisti ta’ gass naturali lil dawn il-pajjiżi.
Għaldaqstant, il-President Russu Vladimir Putin qed jagħmilha ċara (wara ġimgħat ta’ theddid) li bid-digriet ġdid, iffirmat minnu, il-pajjiżi barranin iridu jħallsu bilfors bil-munita nazzjonali tar-Russja inkella Moska ‘tagħlqilhom il-vit għal dan ir-riżors’.
Sadanittant, Franza u l-Ġermanja huma l-ewwel fost l-ewwel pajjiżi tal-Punent li akkużaw lir-Russja b’rikatt. Dan meta l-Gvernijiet u l-kumpanniji tal-Punent, qabel, kienu ċaħdu għad-domandi tar-Russi biex il-gass ipprovdut mir-Russja jitħallas bir-rubli bħala ksur sfaċċat tal-kuntratti eżistenti li jibbażaw fuq l-ewro jew id-dollari.
Min-naħa tiegħu, Putin kompla jipprovoka lill-Punent bi stqarrija li ‘ħadd ma jagħti l-affarijiet lir-Russja b’xejn’ u li ‘Moska mhi se tagħmel il-karità ma’ ħadd’. Dan effettivament ifisser li r-Russja qed taħseb biex twaqqaf il-kuntratti eżistenti dwar il-gass.
L-Unjoni Ewropea, bħalissa, qed tikseb xi 40 fil-mija tal-gass u 30 fil-mija taż-żejt tagħha mir-Russja u fil-preżent ma jidhirx li hemm quddiemha xi sostituzzjonijiet ċari għal dan is-suq. Fl-istess waqt, l-UE ma imponietx is-sanzjonijiet fuq il-provvisti tal-fuel mir-Russja minkejja li l-Istati Uniti u l-Kanada ma żammewx lura minn dan il-pass.
L-insistenza ta’ Vladimir Putin biex jitħallas għall-gass bir-rubli qed titqies, intant, bħala sforz iddisprat biex jistimola l-ekonomija tar-Russja li qed tikkrolla taħt il-piż tas-sanzjonijiet internazzjonali imposti fuq dan il-pajjiż mill-Punent b’konnessjoni mal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi.
//= $special ?>

