Imħabba ma taqta’ xejn… iżda t-taboo għal persuni bl-awtiżmu wisq inqas ma jaqta’ xejn.
Propju għal Jum Dinji tal-Awtiżmu, Ann Marie Fenech xtaqet twassal il-messaġġ li wieħed jifhem aħjar persuni bl-awtiżmu biex fl-aħħar mill-aħħar igawdu mid-dritt tal-inklużjoni bħal kull persuna oħra.
Ann Marie qaltilna kif għal bidu ma kinitx faċli biex jipproċessaw l-aħbar li t-tifel tagħhom, Matthias għandu l-awtiżmu iżda ftit ftit bdew jaddattaw.
Iżda minkejja li ħajjet it-tifel setgħet tkun iktar faċli, fosthom permezz tal-użu ta’ apparat biex jikkomunika… iktar ma beda jikber, iktar bdew jiżdiedu l-isfidi, bit-tifel saħansitra jitkeċċa mill-iskola.
U l-ikbar inkwiet għall-ġenituri jibqa’ dwar x’se jiġri mit-tifel la darba jiġu neqsin huma.
Il-kundizzjoni tal-awtiżmu għadha ta’ taboo fis-soċjetajiet.
Iżda wieħed ma jgħarafx kemm dawn it-tfal kapaċi jħobbu bla ebda qies.
L-istatistika turi li wieħed minn kull 160 tifel u tifla jaqgħu fl-ispettru tal-awtiżmu.