Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara inċident ikrah li seħħ dalgħodu fil-Għargħur

Ritratt: Martin Agius

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident li seħħ dalgħodu fi Triq in-Naxxar, Ħal Għargħur.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ inċident bejn Mercedes C220 misjuqa minn Niġerjan ta’ 23 sena residenti s-Swieqi, u Mercedes Benz SLK250 misjuqa minn mara ta’ 28 sena residenti l-Iklin.

Fl-ewwel vettura kien hemm ukoll mara ta’ 24 sena residenti n-Naxxar.

L-inċident seħħ dalgħodu fis-6am.

Fil-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet lill-mara u n-Niġerjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li r-raġel qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.