Raġel ta’ 62 sena li kiser difrejh mal-ġustizzja għal aktar minn 30 darba kellu erba’ sentenza ta’ 15-il sena u tmien xhur ħabs imnaqqsa b’sena u ħames xhur mill-Imħallef Edwina Grima fuq sensiela ta’ serq. Glen Debattista li kien joqgħod f’diversi residenzi fosthom tas-Sliema u aktar riċenti Santa Venera kellu żewġ sentenzi ta’ ħabs imnaqqsa mill-Qorti tal-Appell. Dn b’rabta ma’ sensiela twila ta’ serqiet ta’ kull ġeneralu li nstab ħati għalihom.
Glen Debattista appella minn erba’ sentenzi ta’ ħabs li ngħatawlu bejn l-2013 u l-2016 fuq ammont imdaqqas ta’ serq u ta’ frodi u serqiet li wettaq ma’ persuni oħra minn kumpaniji, ħwienet u pompi tal-petrol. Fil-passat huwa kien instab ħati wkoll ta’ serq ta’ ġojjelli. Għaldaqtanst huwa se jkollu jservi sentenza b’kollox ta’ 14-il sena u tliet xhur priġunerija.
Fl-ewwel sentenza huwa kien ikkundannat ħames snin ħabs, fit-tieni sentenza seba’ snin ħabs, fit-tielet sentenza mar tliet snin, filwaqt li fir-raba’ sentenza spiċċa weħel tmien xhur. Filwaqt li ma kkontestax il-fatt li hu kkommetta r-reati, huwa alab li jingħata sentenzi inqas ħarxa.
Fuq l-ewwel sentenza, huwa sostna li r-reati ta’ frodi li nstab ħati għalihom kienu preskritti. Il-Qorti tal-appell iżda ma qablitx ma’ dan l-argument u qieset li fil-każ ta’ reati gravi bħal tiegħu, iż-żmien sa meta każ jiġi preskritt huwa ta’ 10 snin u mhux sentejn, u għalhekk il-proċeduri kontrih, li nbdew sitt snin wara r-reati, ma kinux preskritti. Għaldaqstant l-appell ġie miċħud.
Fuqn it-tieni sentenza, huwa argumenta li l-kompliċi tiegħu ngħataw piena inqas minnu, iżda l-Qorti qalet li Debattista ammetta għal għadd kbir ta’ serqiet u fl-istess ħin huwa riċediv iktar minn darba. Qieset ukoll li tul il-proċeduri kien irnexxielu jħallas lura dak kollu li seraq, u għalhekk il-Qorti ddeċidiet li tnaqqaslu sena ħabs mis-sebgħa li ġie kundannat għalihom.
Fuq it-tielet sentenza qal li minħabba li ammetta fil-pront u abbażi tar-rapport tal-uffiċjal tal-probation, kellu jingħata inqas minn tliet snin ħabs. Il-Qorti tal-Appell iżda qalet li mill-proċeduri ħareġ li huwa dam ma ammetta, u li kien l-uffiċjal tal-probation stess li ta parir biex Debattista jingħata sentenza effettiva ta’ ħabs. Dan l-appell ġie għalhekk miċħud.
Fuq ir-raba’ sentenza, huwa qal li l-Qorti kellha tqis li huwa kien ammetta għall-akkużi, iżda l-Qorti tal-Appell dan ċaħditu, u qalet li mkien ma jirriżulta li huwa kien ammetta. Qieset ukoll li sentejn ilu laħaq ftehim mal-vittma biex jibda jħallas lura ammont kull xahar minn dak li seraq, liema pagamenti diġà bdew isiru, għalkemm dan sar ‘il fuq minn 10 snin wara l-kummissjoni tar-reat Fid-dawl ta’ dan il-Qorti naqqsitlu s-sentenza għal tliet xhur ħabs.
//= $special ?>