Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Aktar inċidenti qattiela bis-sitwazzjoni qed tiggrava bejn Iżrael u l-Palestinjani

Israeli soldiers patrol on March 30, 2022 a village south of Jenin in the occupied West Bank, reportedly from where Palestinian assailant Diaa Hamarshah left before killing five people during a gun attack in Israel. - Israeli Prime Minister Naftali Bennett warned of a "wave of murderous Arab terrorism" ahead of funerals Wednesday for two of five people killed in a shooting rampage in an ultra-religious Jewish town. The shooting in Bnei Brak, a coastal town outside Tel Aviv, of four civilians and a police officer was the third fatal gun or knife attack in the Jewish state in the past week. (Photo by AFP)

Kompliet il-vjolenza fix-Xatt tal-Punent meta fl-aħħar sigħat, it-truppi ta’ Iżrael qatlu talanqas żewġ Palestinjani fost sparatura li seħħet waqt rejd mill-istess Iżraeljani fl-inħawi ta’ Jenin.

Il-militar Iżraeljan qal li l-isparatura nqalgħet meta s-suldati teigħu daħlu fil-kamp tar-refuġjati ta’ Jenin biex jarrestaw xi persuni suspettati dwar sehem f’attakk qattiel li kien seħħ fil-bidu tal-ġimgħa f’Iżrael.

Il-Palestinjani inkwistjoni huma suspettati li għenu aggressur biex joqtol ħames persuni waqt l-isparatura tat-Tlieta f’subborg ta’ Tel Aviv.

Ir-rapporti minn Iżrael issa qalu li s-suldati li daħlu għas-suspettati fil-kamp ta’ Jenin rreaġew bl-isparar wara li spiċċaw attakkati minn grupp ta’ Palestinjani. Ir-rapporti referew għal diversi inċidenti waqt ir-rejd u li s-suldati qatlu liż-żewġ Palestinjani huma u jiddefendu ruħhom mill-attakki. Ingħad ukoll li fl-isparar indarbu talanqas 15-il persuna, b’uħud jinsabu f’qagħda kritika.

Ir-rejd inkwistjoni seħħ ftit tal-ħin wara li Iżraeljan fix-Xatt tal-Punent kien spiċċa aggredit u ferut minn Palestinjan armat b’sikkina  u li, imbagħad, inqatel mill-qawwiet tas-sigurtà fl-inħawi.

B’kollox inqatlu total ta’ ħdax-il persuna b’riżultat ta’ tliet attakki li seħħew f’Iżrael matul l-aħħar ġimgħatejn.

Dan waqt li l-Prim Ministru Iżrealjan, Naftali Bennett, qed iwissi dwar mewġa ta’ terroriżmu mill-estremisti Palestinjani f’Iżrael u t-territorji tax-Xatt tal-Punent ikkontrollati mill-Iżraeljani.