Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola l-Ġimgħa kienet fi Kiev biex tesprimi l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-poplu Ukren u tikkundanna l-attakk Russu mhux ġustifikat. Is-Sibt żaret, flimkien mal-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki, l-Iskola ta’ Otwock fir-reġjun ta’ Varsavja fejn qed ikunu ospitati Ukraini li qed jaħarbu mill-gwerra.
Il-President ivvjaġġat lejn Kiev fuq stedina tal-Ispiker tal-Verkhovna Rada, il-Parlament Ukren, Ruslan Stefanchuk.
“Ninsab hawn biex ngħidilkom li aħna magħkom, fi żminijiet tajbin u fi żminijiet diffiċli. Aħna qatt mhu se nitilqukom waħedkom”, qalet Metsola f’indirizz lir-Rada.
Matul is-soġġorn tagħha fi Kiev, Metsola ltaqgħet mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy; il-Prim Ministru tal-Ukraina Denys Shmyhal; l-Ispiker tar-Rada, Ruslan Stefanchuk; u rappreżentanti tal-gruppi politiċi tar-Rada, fost oħrajn.




