L-Isqof t’Għawdex il-Monsinjur Anton Teuma akkumpanja lill-Papa Franġisku matul il-vjaġġ tiegħu f’Għawdex, mill-Imġarr, għar-Rabat u anke f’Ta’ Pinu fejn hawnhekk wassallu messaġġ ta’ merħba fil-gżira Għawdxija, li l-Isqof iddeskriva bħala “gżira żgħira imma b’qalb kbira”.
Anton Teuma stqarr li l-Knisja f’Għawdex, b’mod partikolari s-Santwarju Ta’ Pinu, għandhom għeruq profondi fl-istorja. Hawnhekk saħaq li l-komunità Għawdxija tinsab tassew kuntenta li l-Papa qiegħed fosthom b’mod partikolari quddiem il-Madonna ta’ Pinu għaliex “ħafna minna niġu hawn ta’ spiss, ħafna drabi b’qalbna maqsuma, nitolbu u nirringrazzjaw lil Ommna tas-Sema. Nitolbuk tgħinna nitolbu biex inkunu dejjem aktar bħal Marija, dixxipli awtentiċi ta’ Ġesù fi żminijietna. Għinna nitolbu biex bħal Marija jkollna aktar kuraġġ biex nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerer u mill-għaks, huma u jfittxu kenn fi gżiritna. Għinna nitolbu biex ma nittrattaw u ma nqisu lil ħadd minn dawn ħutna bħala barrani. Għinna nitolbu biex ilkoll nitgħallmu nħossuna aktar responsabbli tad-don tal-ħolqien u tannatura sabiħa ta’ din il-gżira, li bil-mod il-mod qiegħda tisparixxi minn quddiem għajnejna mingħajr ma nindunaw”, qal Anton Teuma.
L-Isqof t’Għawdex talab lill-Papa biex isostni fit-talb tiegħu biex il-ġid materjali nqisuh bħala rigal li Alla jagħtina biex naqsmuh ma’ ħutna u mhux bħala okkażjoni ta’ korruzzjoni, diskriminazzjoni jew kunflitti u diviżjoni. “Għinna nitolbu biex fil-familji tagħna, il-ftehim u l-ferħ tal-kondiviżjoni jkunu meqjusa aktar importanti mill-gwadann. Għinna nitolbu biex il-fidi tagħna ma tkunx biss tradizzjoni jew mgħixa sempliċement bħala okkażjoni soċjokulturali, imma, b’mod speċjali wara l-pandemija, tkun imsejsa fuq is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, fuq iċ-ċelebrazzjoni ferrieħa tal-Ewkaristija u fuq ix-xhieda tal-imħabba tal-aħwa”, temm jgħid Anton Teuma.
//= $special ?>