Basketball Sport

Hibernians jerbħu n-Knock Out għat-18 –il darba

Colin Schembri

Mapfre MSV Life Knock-out Nisa

ARMS Depiro 68

Hibernians 74

(15-15)(12-14)(20-10)(17-25)(4-10)

ARMS Depiro: M. Caruana 3, Ni. Agius 14, J. Xerri 19, L.Duncan, No. Agius, Ciantar 7, N. Hili, N. Ebejer, N. Borg 5, D. Galea 5, C. Fenech, K. Koshuta 20

Hibernians: E. Farrugia, K. Conti, I. Agius, Y. Bonett 22, A. Van Vliet 9, S. Brincat, J. Abela 10, C. Camilleri, K. Jenkins 26, N. Farrugia 1, K. Caruana 4, J. Dabic 2.

Referees: Bernard Vassallo, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu

Il-Finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out tan-nis bejn ARMS Depiro u Hibernians kellha tmur fil-ħin barrani biex tiġi deċiża u marret favur it-team ta’ Raħal Ġdid li sa’ tlett sekondi mit-tmiem il-ħin regolamentari kienu 3 punti minn taħt. Depiro għandhom għax iħossuhom sfortunati li tilfu dil-partita wara turnover kruċjali tal-Amerikana Kelly Koshuta u din kienet l-aħħar partita tagħhom għal dan l-istaġun hekk kif huma eleminati mill-play-offs. Il-partita fetħet b’żewġ baskets fuq kull naħa minn Kenyotta Jenkins għal Hibs u Claire Ciantar u Nicole Agius għal Depiro. Depiro komplew bi break ta’ 9-1 fosthom trippla ta’ Julia Xerri biex marru 13-5 minn fuq iżda r-risposta ta’ Hibs kienet immedjata b’run ta’ 10-0 b’diversi punti minn Jenkins flimkien ma’ Ylenia Bonett biex l-ewwel taqsima għalqet fuq parita ta’ 15-15. Fit-tieni perjodu, kien hemm it-trippli ta’ Depiro minn Xerri u Caruana li żammewhom fuq quddiem għal ħin twil tul is-sessjoni. Ir-risposta ta’ Hibs waslet minn Jenkins, Julia Dabic u Bonett biex ħadu vantaġġ ta’ basket fill-mistrieħ 29-27.

Wara l-intervall, Depiro reġgħu bdew tajjeb u għamlu run ta’ 10-2 b’diversi punti ta’ Koshuta, ħafna minnhom mill-freethrow line biex ħalliet lil Depiro fuq quddiem. Wara risposta minn Jenkins u Bonett, Depiro fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 45-37 li żammewh sa’ tmiem it-taqsima. Fl-aħħar perjodu kien hemm żewġ trippli minn Jasmine Abela għal Hibs però Xerri u Ciantar ħallew lil Depiro fuq quddiem. Hibs kellhom mument ieħor tajjeb b’run ta’ 10-2 biex marru 3 minn fuq 61-58. Wara li Koshuta u Ciantar għamlu l-iskor indaqs, trippla ta’ Xerri poġġiet lil Depiro fuq quddiem fl-aħħar 20 sekonda. Asleigh Van Vliet għamlet free-throw minn tnejn u meta kien għad fadal ftit sekondi għat-tmiem u bil-pusess f’idejhom, Depiro dehru resqin lejn ir-rebħa. Pero minn side-line, Koshuta tilfet il-ballun bil-Hibs jieħdu l-aħħar time-out u l-aħħar pusess li kkonvertewh f’basket ta’ Jenkins għal parita ta’ 64-64. Fil-ħin barrani, Depiro dehru taħt xokk u Hibs kellhom il-punti ta’ Jenkins u Bonett fost l-oħrajn biex rebħu l-partita u t-tazza fuq skor finali ta’ 74-68. Fi tmiem il-partita is-Sur Micheal Galea Chief Executive Officer tal-MSV Life flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ppreżentaw l-unur tal-MVP lil Ylenia Bonett ta’ Hibs u t-trofew tan-Knock Out lil Sam Brincat għat-18 -il suċċess ta’ Hibs f’din il-kompetizzjoni.