Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fl-aħħar sigħat kompla bit-tentattivi biex jevakwa lill-eluf ta’ ċivili li baqgħu maqbudin f’Mariupol – magħrufa bħala ‘il-belt tal-mewt’ – u meta baqgħet it-theddida tal- bumbardamenti mill-qawwiet tar-Russja.
L-organizzazzjoni, qabel, ma kisbitx biżżejjed garanziji tas-sigurtà waqt it-tentattivi preċedenti biex tasal l-għajnuna lir-residenti ta’ Mariupol li ilhom il-ġimgħat mingħajr provisti tal-ilma, ikel u enerġija.
Sadanittant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ikkonferma li ’l fuq minn 3,000 persuna xorta rnexxielhom joħorġu mill-inħawi ta’ Mariupol, minkejja l-assedju ta’ ġimgħat.
Madankollu, issa hu kkonfermat li madwar 5,000 resident – fosthom ’il fuq minn mitejn tfal – mietu f’dik il-belt mindu r-Russi bdew l-invażjoni tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.
Fl-aħħar sigħat kien ittamat li r-residenti li kien fadal f’Mariupol setgħu jużaw seba’ rotot ġodda għall-movimenti umanitarji, bis-sitwazzjoni f’dik il-belt tibqa’ waħda ddisprata għall-aħħar.
Il-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Iryna Vereshchuk, fl-aħħar sigħat iddettaljat il-pjani għall-ħruġ taċ-ċivili mill-ibnadi tal-Ukrajna li jinsabu taħt assedju – bl-impenn speċjali tkun il-missjoni għas-salvataġġ tar-residenti minn Mariupol.
Dan meta Vereshchuk irreferiet ukoll għall-pjani biex jintużaw il-karozzi tal-linja biex ir-residenti ta’ Mariupol li kienu waslu f’Berdyansk jittieħdu lejn bnadi oħra lejn iċ-ċentru tal-Ukrajna.
//= $special ?>