L-aġenzija nukleari tal-Ukrajna qaletli t-truppi tar-Russja bbumbardjaw l-inħawi ta’ Enerhodar fejn folla ta’ residenti kienu qed jieħdu sehem fi protesta favur il-Gvern Ukren u kontra l-gwerra f’pajjiżhom.
L-azzjoni kienet partikularment sinifikanti għaliex f’din il-belt (lejn in-nofsinhar tal-Ukrajna) hemm il-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia li waqgħet f’idejn ir-Russi fl-4 ta’ Marzu.
L-impjant, fil-fatt, hu l-akbar wieħed nukleari fl-Ewropa u fl-aħħar sigħat spikkaw il-filmati ta’ splużjonijiet fi pjazza ta’ Enerhodar fejn il-folol kienu nġabru għall-protesti paċifiċi.
Mifhum li huma spiċċaw mira għal bumbardamenti bil-mortars u s-sorsi lokali żvelaw li waqt li n-nies bdew jiġru lejn il-postijiet tas-sigurtà, it-truppi Russi waslu hemmhekk bit-trakkijiet u arrestaw numru ta’ residenti.
Ir-rapporti rreferew ukoll għal ‘diversi midruba mill-bumbardamenti’ iżda ma ngħatawx ċifri ta’ maqtula.
L-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia spiċċa taħt il-kontroll tar-Russi wara battalja fl-inħawi fil-bidu ta’ Marzu, u bir-riżultat li bini tal-amministrazzjoni fl-inħawi spiċċat ħadet in-nar.
Waqt li l-Ukrajna kienet akkużat lir-Russja dwar attakk indiskriminattiv f’post ta’ periklu partikulari, Moska ċaħdet li dan kien minnu, fost l-allarm kbir tal-komunità internazzjonali.
Għalkemm ma ħarġet l-ebda radjazzjoni, l-inċident fakkar lid-dinja fit-traġedja nukleari ta’ Chernobyl (fl-Ukrajna) fl-1986 u meta kienet telgħet mewġa ta’ radjazzjoni li nfirxet madwar l-Ewropa tal-Lvant.
Fil-fatt, l-impjant ta’ Zaporizhzhia jipprovdi nofs l-enerġija nukleari tal-Ukrajna u meta l-belt ta’ Enerhodar għandha popolazzjoni ta’ 53,000.
Sadanittant, saru wkoll protesti kbar favur l-Ukrajna fl-ibliet ta’ Kherson u Melitopol, lejn in-nofsinhar tal-Ukrajna, u li huma okkupati mill-qawwiet tar-Russja.
//= $special ?>