“J’Alla, il-qalb tal-Mediterran, tkompli ssaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-kura għall-ħajja, l-akkoljenza u l-ħerqa għall-paċi bl-għajnuna ta’ Alla, li ismu huwa paċi.”
F’diskors li Papa Franġisku għamel fis-Sala tal-Gran Mastru fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta huwa qal li Malta hija l-qalb tal-Mediterran… gżejjer li huma ċentru ta’ vitalità u kultura, ta’ spiritwalità u sbuħija.
Huwa tkellem dwar kemm mhux biżżejjed li jissaħħaħ is-sens tal-appartenenza iżda jeħtieġ jissaħħaħ is-sies tal-għajxien komuni li jieqaf fuq id-dritt u l-legalità. Papa Franġisku qal li l-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata, għalhek għandu jkun hemm impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni.

Ma naqasx ukoll li Papa Franġisku jitkellem dwar l-immigrazzjoni hekk kif quddiem dak kollu li jinsab għaddej fil-baħar Mediterran huwa qal li l-baħar tagħna m’għandu jkun l-ikbar ċimiterju tal-Ewropa. Saħaq li l-fenomenu tal-immigrazzjoni mhux ċirkostanza tal-mument, imma jittimbra l-epoka tagħna. Dan hekk kif miegħu jġib id-dejn tal-inġustizzji tal-imgħoddi, ta’ tant sfruttament, ta’ tibdil fil-klima, ta’ kunflitti miżerabbli li qed iħallsu l-konsegwenzi tagħhom nies innoċenti.
Papa Franġisku tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn qal li l-ambjent li ngħixu fih hu rigal mis-sema, għalhekk dan għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni.
Saħaq li fil-bażi ta’ tkabbir solidu hemm il-persuna umana għalhekk importanti li jkun hemm rispett lejn il-ħajja u d-dinjita ta’ kull raġel u mara.
“Malta, li tilma bid-dawl fil-qalba tal-Mediterran, tista’ tnebbaħna, għax hemm urġenza li rroddu lura
s-sbuħija lill-wiċċ tal-bniedem, sfigurat bil-gwerra.”
Fid-diskors tiegħu Papa Franġisku sellem lill-ommijiet kollha u fakkar fil-ħlewwa tal-ommijiet, li lid-dinja jagħtuha
l-ħajja, u l-preżenza tan-nisa huma l-alternattiva vera għal-loġika xellerata tal-poter li jwassal għall-gwerra. Il-popli tad-dinja għandhom bżonn ta’ ħniena u kura, mhux ta’ viżjonijiet ideoloġiċi u populiżmi, mitmugħa bi kliem ta’
mibegħda u li m’għandhomx għal qalbhom il-ħajja konkreta tal-poplu, tan-nies komuni.
