“Inwegħduk li permezz tal-miġja tiegħek fostna, se inkomplu ningħaqdu bħala poplu, se nkomplu nħabirku għall-paċi madwarna u nkomplu nitolbu għalik.”
Dan kien l-għeluq tal-indirizz tal-President ta’ Malta, George Vella, lill-Papa Franġisku fis-sala tal-Gran Mastru fil-Palazz tal-President waqt laqgħa mal-Korp Diplomatiku Malti.
George Vella stqarr li l-poplu Malti kien ilu jistenna b’ħerqa l-wasla tas-suċċessur ta’ Pietru fil-gżira ta’ Pawlu, żjara li tkompli tikkonferma r-rabtiet storiċi mill-qrib bejn Malta u s-Santa Sede.
L-ewwel referenza għal dina ż-żjara appostoliku saret mill-President ta’ Malta nnifsu meta żar il-Papa fil-Vatikan f’Settembru 2019 u sussegwentament meta attenda għall-funeral tal-Kardinal Prospero Grech f’Jannar 2020.
Il-President ta’ Malta qal li fl-umanità għadhom jirrenjaw inugwaljanzi kbar u l-pandemija għallmet lill-komunità internazzjonali tkompli ssaħħaħ il-ġustizzja soċjali globali.
Huwa ngħaqad mal-appelli tal-Papa Franġisku għall-waqfien fil-ġlied bejn ir-Russi u l-Ukreni, gwerra mdemmija fil-kontinent Ewropew b’attakki diskriminatorji fuq nies innoċenti, sabiex tkompli ssaltan il-paċi.
Il-President ta’ Malta esprima n-niket tiegħu li hawn pajjiżi li qed jisfruttaw minn din is-sitwazzjoni prekarja bi dħul mill-bejgħ tal-armamenti u awgura li din l-ekonomija tixxejjen jew saħansitra tispiċċa darba għal dejjem.
“Malta se tkun hemm biex taqdi l-funzjoni tagħha mnaqqxa fil-Kostituzzjoni bħala promotur tad-djalogu u l-paċi bejn il-ġnus.”
George Vella fakkar ukoll kif għadna ferm ‘il-bogħod milli nilħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti hekk kif id-dinja hija marida, irrabbjata u għajjiena mill-qerda tal-ambjent u l-isfruttament tar-riżorsi naturali.
Dan hekk kif huwa faċli li twiegħed li tkun kommess għal sostenibbiltà ambjentali iżda huwa aktar diffiċli li tattwa dak li twiegħed.
Dwar l-immigrazzjoni, il-President ta’ Malta fakkar kif filwaqt li Malta taqdi l-irwol umanitarju ta’ tiftix, salvataġġ u ospitalità, jeħtieġu jinstabu soluzzjonijiet ġusti ta’ solidarjetà minn pajjiżi oħra Ewropej fost l-oħrajn.
//= $special ?>