Lokali

“Intom il-Maltin u l-Għawdxin intom it-teżor tal-Knisja Nisranija” – Papa Franġisku f’Ta’ Pinu

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-gżira t’Għawdex, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Papa Franġisku fakkarna li fil-mument tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, meta kollox deher mitluf, it-talba tiegħu kienet ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?’.  Hekk ukoll, qal Papa Franġisku, din hija t-talba tagħna fi żmien ta’ tbatija u sofferenza.

Madankollu, fakkar il-Papa, is-siegħa tal-mewt ta’ Kristu ma fissritx it-tmiet tal-istorja, imma l-bidu ta’ ħajja ġdida. B’dawk iż-żewġ persuni li baqgħu weqfin taħt is-salib, Alla ġabar poplu li għadu sal-lum iterraq bil-konsolazzjoni f’qalbu li jtih l-Ispirtu tal-Mulej.

Il-Papa Franġisku għamel analoġija propju bis-Santwarju li minnu kien qed jitkellem.  Fakkar kif fil-post ta’ dan il-post imqaddes sa ftit ilu kien hemm biss kappella mitluqa u anke dakinhar, kollox deher mitmum. Imma sensiela ta’ avvenimenti dawru dak li deher impossibbli, u dik il-kappella ċkejkna nbidlet f’maqdes Nazzjonali li llum hija d-destinazzjoni ta’ bost pellegrini, u fonti ta’ ħajja ġdida. Minn post minsi twieled santwarju li jerġa’ jagħti fidi ġdida u tama lill-poplu t’Alla.

Papa Franġisku qal li biex verament nifhmu t-tifsira tal-mewt ta’ Kristu, irridu mmorru lura għall-oriġini tal-fidi tagħna. Dan biex nerġgħu niskopru l-ispirtu tal-ewwel komunitajiet Insara.

Hu fakkar kif l-ewwel dixxipli, Maria ta’ Magdala u Ġwanni, marru jiġru lura biex iħabbru l-aħbar tajba tal-qawmien ta’ Kristu. Id-dieqa tagħhom taħt is-salib inbidlet f’ferħ mar-reżurrezzjoni.

Il-Papa qal li l-ħajja tal-Knisja madankollu mhijiex sempliċiment passat li għandna niftakru, imma futur kbir x’nibnu flimkien.

Papa Frankġisku qal li l-krizi fil-fidi, l-apatija fil-prattika tar-reliġjon tagħna, aktar w’aktar wara l-pandemija, u l-indifferenza fost iż-żgħażagħ fil-konfront tal-preżenza t’Alla m’għandniex nippruvaw inpinġuhom bħala sfidi żgħar u għandna niżguraw li l-prattiċi tagħna ma jkunux sempliċi abitudnijiet tal-passat, imma jibqgħu espressjoni ta’ fidi ħajja u miftuħa li xxerred il-ferħ tal-Vanġelu.

Il-Papa tkellem dwar l-importanza tal-imħabba bejnietna bħall-aħwa. Imħabba li għandha tħalli warajha s-suspetti, il-firdiet, iz-zekzik, u n-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin, u li minflok taħdem għal aktar komunjoni.

Dan, qal Franġisku, hu l-Vanġelu li aħna msejħa biex ngħixu. Jeħtieġ, qal il-Papa, li nkunu esperti fl-umanità. Hawnhekk, hu rrefera għal San Pawl, li ħeġġeġ tant saċerdoti, missjunarji u xhieda tal-imħabba ta’ Kristu.

Il-Papa esprima l-gratitudni tiegħu fil-konfront ta’ dawk kollha li jxerrdu l-kelma ta’ Kristu filwaqt li qabel mal-Isqof Anton Teuma meta qal li din hija gżira żgħira b’qalb kbira.

Hu qal li l-Maltin u l-Għawdxin huma teżor tal-Knisja u għall-Knisjam u sabiex ikun preservat dan it-teżor, irridu mmorru lura għall-essenza tal-fidi tagħna – l-imħabba t’Alla, il-forza li twassalna għall-hena, l-imħabba għal xulxin. Din, qal il-Papa, hi l-akbar xhieda li nistgħu nagħtu quddiem id-dinja.

Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu billi ta l-barka tiegħu lil dawk preżenti.