Waqt l-iskambji tar-rigali fil-Palazz tal-President, il-Papa Franġisku ppreżenta midalja lill-President ta’ Malta li turi l-vara ta’ San Pawl fil-Kolleġġjata Pawlin tal-Belt u f’riġlejh, il-lifgħa ħierġa minn ġon-nar li gidmitlu idu mingħajr ma weġgħetu, bħalma hemm deskritt fl-Atti tal-Appostli.
Fuq ix-xellug tax-xbieha ta’ San Pawl, wieħed isib il-koppla tal-Katidral tal-Imdina u lill hinn minnha xena mill-gżejjer Maltin.
Fuq il-lemin tax-xbieha ta’ San Pawl, insibu dehra tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu, fil-gżira Għawdxija, kif ukoll pruwa ta’ xini, li tfakkar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta flimkien mal-priġunieri li salvaw mill-għarqa.
L-isem u d-dati taż-Żjara Appostolika tal-Papa jidhru fin-naħa ta’ fuq tal-midalja filwaqt li s-sena tidher isfel.
