Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, żammew il-vantaġġ minimu ( b’punt wieħed) fuq Liverpool f’ras il-klassifika, b’dawn iż-żewġ tims jiksbu rebħiet identiċi ta’ 2-0 fuq Burnley u Watford, rispettivament. Liverpool lagħbu l-ewwel logħba ta’ dan il-programm u grazzi għas-suċċess fuq Watford, f’Anfield, huma rnexxielhom jaqilgħu lis-Citizens mill-ewwel post tal-Premier Ingliż għall-ewwel darba mill-4 ta’ Diċembru. Madankollu kien biss kwistjoni ta’ ftit sigħat sakemm City reġgħu qabżu lill-Merseysiders bħala liders grazzi għar-rebħa komda fuq Burnley, f’Turf Moor. Man City kisbu l-vantaġġ wara biss ħames minuti meta, wara azzjoni bejn Sterling u Rodri, il-ballun spiċċa f’saqajn Kevin de Bruyne li kellu l-ħin u l-ispazju biex jispara fir-rokna tax-xibka. Sterling u De Bruyne ikkombinaw mill-ġdid għat-tieni gowl deċiżiv, b’ Ilkay Gundogan ( 25 ) jegħleb lill-gowlkiper Pope b’volley preċiż biex jagħlaq kull diskors.
Dan waqt li Burnley fl-ebda ħin ma dehru kapaċi li jwettqu rimonta u meta l-Clarets jinsabu t-tieni mill-aħħar b’21 punt minn 28 logħba. Intant, Liverpool għamlu biżżejjed biex jaċċertaw mit-tliet punti ma’ Watford iżda r-Reds ta’ Jurgen Klopp naqsu milli jimpressjonaw għal ħinijiet twal. Madankollu, Diogo Jota (22) kien fil-post eżatt biex jiżblokka r-riżultat għar-Reds fuq l-assist ta’ Gomez – bil-gowl jasal 34 sekonda wara li l-gowlkiper ta’ Liverpool Alisson kellu jwettaq save kbir biex jiċħad it-tentattiv ta’ Kucka. Minn dak il-ħin, Liverpool innewtralizzaw it-tentattivi kollha tal-Hornets biex jidħlu fil-logħba u fid-89 minuta, huma għamlu ċert mir-rebħa meta Fabinho skorja penalty wara d-daħla kerha ta’ Kucka fuq Jota. Ir-riżultat ifisser li Watford jinsabu t-tielet mill-aħħar – tliet punti wara Everton li għada jilgħabu ma’ West Ham United fil-London Stadium.
L-aktar riżultat sorprendenti fil-programm tal-bieraħ kien irreġistrat fi Stamford Bridge fejn Brentford għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 4-1 – bil-midfielder Daniż Christian Eriksen jikseb l-ewwel gowl personali bil-flokk tal-Bees. Ir-rebħa kienet l-ewwel waħda għal Brentford fuq Chelsea mill-1939 u fejn wieġbu bl-aħjar mod għall-vantaġġ tal-Blues, skurjat mid-difensur Rudiger fil-bidu tat-tieni taqsima. Fil-fatt, il-Bees kellhom jistennew biss żewġ minuti għall-gowl tad-dro minn Vitaly Janelt u fl-54 minuta, wasal il-mument ta’ Eriksen li ma żbaljax mill-qrib fuq is-suġġeriment ta’ Mbuemo. Chelsea dehru maħsuda u Brentford komplew ikabbru l-iskor b’Janelt japprofitta minn kontrattakk biex mill-ġdid jegħleb lil Mendy wara siegħa logħob. Il-ġurnata miżerabbli għal Chelsea kienet kompluta fis-87 minuta meta s-sostitut Wissa għaqqad il-poker u għal riżultat li kompla jbiegħed lill-Bees miz-zona l-ħamra tal-klassifika.
Brighton u Norwich City spiċċaw fi draw, 0-0, bl-aktar mument interessanti tal-logħba jkun il-penalty mitluf ta’ Neal Maupay fl-ewwel taqsima. Is-Seagulls ħolqu ħafna ċansijiet iżda ma setgħux isibu x-xibka ta’ Noriwch li għadhom l-aħħar fil-klassifika minkejja li rnexxielhom itemmu sekwenza negattiva ta’ sitt telifiet konsekuttivi.
James Ward-Prowse skorja freekick ieħor brillanti biex salva dro, 1-1 għal Southampton ma’ Leeds United f’Elland Road. Kienu Leeds li marru fil-vantaġġ minn Jack Harrison (25) iżda Ward-Prowse (48) salva lis-Saints mir-raba’ telfa konsekuttiva fil-kampjonat meta għeleb lill-gowlkiper Meslier b’xutt preċiż minn 20 metru.
Wolverhampton Wanderers għadhom qed jittamaw għal post fl-Ewropa wara rebħa, 2-1, fuq Aston Villa f’Molineux. Wolves żblukkaw ir-riżultat wara biss seba’ minuti meta d-difensur Spanjol Jonny sab ix-xibka b’half-volley wara li Digne kien imblokka t-tentattiv ta’ Fabio Silva. It-tim tal-Midlands għamilhom tnejn fis-36 minuta meta s-sostitut ta’ Villa, Young, ikkommetta awtogol klassiku fuq il-kross ta’ Marcal. Fit-tieni taqsima, Villa għamlu minn kollox biex isibu l-parità iżda l-unika tweġiba kienet mill-penalty ta’ Ollie Watkins (86) li qabel kien tilef diversi opportunitajiet tajbin quddiem il-lasta ta’ Malheiro de Sa.
Manchester United kisbu dro ieħor diżappuntanti, fejn spiċċaw miżmuma 1-1 minn Leicester City f’Old Trafford. B’dan ir-riżultat komplew jonqsu t-tamiet tar-Red Devils li jibbukkjaw post fiċ-Champions League għall-istaġun li ġej u meta huma jinsabu fis-sitt post tal-klassifika, punt wieħed taħt Tottenham u erba’ punti taħt Arsenal li qegħdin ir-raba’ fil-klassifika. United tilfu l-aħjar ċans tal-ewwel taqsima meta Bruno Fernandes irċieva pass perfett mingħand Sancho u fejn il-gowlkiper, Schmeichel, kellu jmattar saqajh biex isalva x-xutt fjakk tal-Portugiż. Fit-tieni taqsima, Leicester żiedu fil-logħob u ma kenitx sorpriża li kisbu l-vantaġġ minn Iheanacho (63) li daħal bir-ras għall-kross perfett ta’ Maddison biex jegħleb lil David de Gea. Il-vantaġġ, iżda, dam biss tliet minuti, meta Schmeichel ma żammx ix-xutt fil-baxx ta’ Fernandes, u bil-midfielder Brażiljan Fred jidħol bħal sajjetta biex jispara fis-saqaf tax-xibka. Intant, dan il-gowl donnu ta ħajja ġdida lil Leicester li komplew bl-azzjonijiet perikolużi u anki kellhom gowl ta’ Maddison imħassar bil-VAR wara l-fawl fuq Varane fl-istess azzjoni.
Illum: Liverpool v Watford 2-0, Brighton v Norwich 0-0, Burnley v Man City 0-2, Chelsea v Brentford 1-4, Leeds v Southampton 1-1, Wolves v Aston Villa 2-1, Man Utd v Leicester 1-1 Għada: West Ham v Everton 3.00pm, Tottenham v Newcastle 5.30pm, It-Tnejn: Crystal Palace v Arsenal 9.00pm
//= $special ?>