Fi Stadio Olimpico Lazio kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Sassuolo biex b’hek ktelgħu fil-ħames post tal-klassifika bi 52 punt, punt fuq Roma li madanakollu għandhom żewġ partiti inqas. Min-naħa l-oħra din it-telfa tħalli lil Sassuolo fid-disa’ post tal-klassifika bi 43 punt. Kienu Lazio li fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta wara żball difensiv ta’ Gian Marco Ferrari kien Manuel Lazzari li approfitta u xeħet fix-xibka għal 1-0. Huma rdoppjaw fil-51 minuta metaminn cross ta’ Luis Alberto kien Sergej Milinkovic Savic li kkonkluda fix-xibka, bil-gowl ikun ikkonvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR. Sassuolo skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fl-94 minuta meta Luigi Samele xeħet bir-ras fix-xibka, liema gowl ma kienx biżejjed biex isalvaw punt minn din il-partita.
Fi Stadio Alberto Picco Spezia kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Venezia biex telgħu fl-erbatax-il post bi 32 punt. Min-naħa l-oħra Venezia baqgħu fid-19-il post bi 22 punt. Il-gowl deċiżiv wasal fl-94 minuta meta Niki Maeenpaeae ma żammx tajjeb ix-xutt ta’ Rey Manaj, b’Emmanuel Gyasi japprofitta għal rebħa ta’ Spezia.
Fi Stadio Arechi Torino kisbu rebħa missielta ta’ 1-0 fuq Salernitana biex komplew isaħħu posthom f’nofs il-klassifika, fil-11-il post bi 38 punt. Għal Salernitana din it-telfa tkompli tagħmilha aktar diffiċli għalihom li jsalvaw, fl-aħħar post b’16-il punt. Il-gowl deċiżiv tal-partita wasal fit-18-il minuta meta Fabrizio Fazio deħer jiġbed lil Andrea Belotti fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru l-istess Belotti ma żbaljax għal 1-0. Salernitana temmew il-partita b’10 players meta tkeċċa għalihom Federico Fazio għat-tieni ammonazzjoni.
SERIE A
Illum: Spezia v Venezia 1-0, Lazio v Sassuolo 2-1, Salernitana v Torino 0-1 Għada: Fiorentina v Empoli 12.30pm, Atalanta v Napoli 3.00pm, Udinese v Cagliari 3.00pm, Sampdoria v Roma 6.00pm, Juventus v Inter 8.45pm It-Tnejn: Verona v Genoa 6.30pm, Milan v Bologna 8.45pm
//= $special ?>