Anzjana ta’ 75 tilfet ħajjitha wara inċident fatali li seħħ f’Tas-Sliema illum għall-ħabta tal-5pm.
Il-każ seħħ fi Triq San Publiju f’Tas-Sliema – bil-Pulizija tgħid illi l-mara ħarġet minn karozza li kienet qed issuq.
Għal xi raġuni l-karozza mxiet il-quddiem bil-konsegwenza li l-mara spiċċat maqbuda taħt l-istess vettura, li waqfet ma’ ħajt.
Tim mediku kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jassistu lill-vittma minnufih iżda sfortunatament ftit tal-ħin wara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>