Jekk kemm-il darba s-sorsi indipendenti jikkonfermaw ‘mija-fil-mija’ li l-Ukrajna wettqet l-attakk tal-Ġimgħa fuq id-depot tal-fuel fir-Russja, din għandha tkun l-ewwel darba li l-inġenji tal-ajru tal-Ukreni jkunu daħlu fl-ispazju tal-ajru tar-Russi biex jattakkaw mira fir-Russja proprja.
Il-kelliema għall-Gvern Ukren, fl-aħħar jiem, ma kenux lesti biex jieħdu responsabbiltà għall-attakk fuq id-depot ta’ Belgorod iżda huma – fosthom il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba — lanqas ma ċaħdu għal xi sehem permezz ta’ stqarrija espliċita.
Min-naħa tagħhom, ir-Russi ftit għandhom dubji li ‘żewġ ħelikopters’ tal-qawwiet Ukreni infiltraw l-ispazju tal-ajru tar-Russja mit-Tramuntana tal-Ukrajna fejn, imbagħad, setgħu jikkonċentraw l-attakk fuq id-depot inkwistjoni.
Dan waqt li l-awtoritajiet f’dik iz-zona tar-Russja intervjenew minnufih biex l-attakk ma jħallix riperkussjonijiet ‘gravi’ għas-sistema għall-proviżjoni ta’ fuel u biex ir-reġjun ta’ Belgorod ma jiffaċċjax kriżi enormi bħala konsegwenza.
Sadanittant, l-esperti jaqblu li l-piloti Ukreni tal-ħelikopters għandhom esperjenza kbira f’sitwazzjonijiet fejn jeħtieġu jtiru fil-baxx – u b’ċerta veloċità – biex ma jinqabdux mir-radar militari u s-sistemi tad-difiża għal kontra l-attakki mill-ajru.
Fil-fatt, dawn il-piloti setgħu jżidu u ‘jirraffinaw’ din il-kapaċità wara snin ta’ impenji fir-reġjun tad-Donbas ( fil-lvant tal-Ukrajna) waqt il-konflitt bejn l-Armata ta’ Kiev u s-separatisti favur ir-Russja li ilhom mill-2014 jikkontrollaw territorji f’Luhansk u Donetsk.
Sadanittant, l-attakk fuq id-depot ta’ Belgorod seta’ anki ħarrax id-dispożizzjoni tal-Kremlin li, ‘il quddiem, kapaċi jtella’ l-intoppi għat-taħditiet għall-paċi mal-Ukrajna.Fil-fatt, il-kelliema f’Moska baqgħu jsostnu li l-azzjoni tal-Ġimgħa ‘żgur li ma għenitx l-isforzi għall-konklużjoni mill-aktar fis’ tal-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar.
Filwaqt li dan l-attack waħdu mgħandux jibdel drammatikament ir-riżultati tal-konflitt tal-Ukrajna, kwalunkwe konferma li l-Gvern Ukren għandu l-kapaċità biex jolqot il-miri fir-Russja tkun qed twassal il-messaġġ li l-qawwiet tal-ajru tal-Ukrajna għadhom jiffunzjonaw sewwa….Messaġġ li fl-istess ħin għandu jistimola bil-kbir il-moral tal-militar Ukren tal-President Volodymyr Zelensky.
//= $special ?>