Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Żvelati aktar reati tal-gwerra mill-qawwiet ta’ Putin

Filwaqt li l-qawwiet Russi qed ikomplu jirtiraw mill-ibliet Ukreni prinċipali komplew ifeġġu r-rapporti dwar atroċitjiaet fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna li jammontaw għal reati tal-gwerra.

Żdiedu wkoll l-indikazzjonijiet tal-massakri ta’ ċivili mir-Russi, bl-awtoritajiet fi Kiev isostnu li t-truppi tal-President Vladimir Putin qed iwettqu l-atroċitajiet bħala sfog għall-fatt li qed jitilfu daqstant nies waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.

L-atroċitajiet qed jidhru l-aktar evidenti fl-ibliet ta’ Bucha, barra Kiev u fl-inħawi ta’ Hostomel u Irpin. Dan ukoll fost konferma li t-truppi tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, sabu l-għexieren tal-katavri ta’ ċivili mifruxin madwar it-toroq ta’ Bucha.

Żdiedu anki l-indikazzjonijiet li t-truppi Russi massakraw ammont sinifikanti ta’ ċivili huma u jirtiraw miz-zoni fil-periferija ta’ Kiev

Is-Segretarju Britanniku għat-Trasport Grant Shapps, waqt kummenti dwar l-aħħar qtil ta’ ċivili fl-Ukrajna, qal li diffiċli jitwemmen li atroċitajiet bħal dawn qegħdin isiru fl-Ewropa fis-seklu 21.

Dan meta deħlin rapporti oħra mill-Ukrajna dwar sejbiet ta’ oqbra tal-massa u sitwazzjonijiet fejn il-militar Ukren qed jiskopri dejjem aktar ċivili mejtin b’idejhom marbutin u li qalgħu t-tiri f’rashom mill-viċin.