Raġel ta’ 45 sena minn Ħaż-Żebbuġ inżamm arrestat wara li l-Ħadd tressaq fil-Qorti mixli b’pussess aggravat tad-droga. Etienne Farrugia, kien arrestat mill-Pulizija nhar il-Ġimgħa wara rapport li rċeviet fuq suspett ta’ traffikar tad-droga.
Kien il-Ġimgħa stess, l-1 ta’ April li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li possibilment kien se jkun hemm ftehim ta’ droga bl-involviment ta’ aktar minn persuna waħda fil-viċinanzi ta’ Ħal Għaxaq u possibbilment iż-Żejtun. Għall-ħabta tal-4pm. il-pulizija interċettaw lill-akkużat f’Dawret Għaxaq, Ħal Għaxaq f’vann ta’ transit griż.
Huwa twaqqaf u wara tfittxija fil-vettura, instabet sustanza bajda f’kompartiment żgħir ħdejn l-isteering u sustanza ħadra li tammonta għal madwar 500g instabet fuq is-seat ta’ wara tal-vettura f’satchel. Id-droga cannabis li nstabet kienet ta’ madwar nofs kilo u nstabet ukoll ftit sustanza kokaina. Il-libertà proviżorja ġiet miċħuda minħabba li primarjament qed jiffaċċja proċeduri simili f’każ ieħor.
Il-Maġistrat Elaine Mercieca ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li semgħet kif għandu kawża oħra pendenti dwar każ simili li seħħ fl-2019. F’Jannar ta’ tliet snin ilu Farrugia kien ġie akkużat bi traffikar ta’ 20 kilo cannabis u tliet kilos eroina u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li qatta’ ftit inqas minn xahrejn arrestat.
Huwa kien ġie arrestat f’Diċembru tal-2018 wara li pulizija mill-Iskwadra tad-Droga kienu osservaw lil Farrugia jersaq lejn persuna u mbagħad joħroġ mill-garaxx tiegħu b’xkora kbira. Imbagħad il-pulizija daħlet u fittxew fil-karozza ta’ Farrugia fejn sabu 20 kilo cannabis. Ir-raġel indika kaxxa li kien fiha tliet kilos eroina u €6,500 fi flus kontanti.
Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum, u jipprovdi depożitu ta’ €5000 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-prosekuzzjoni fil-każ riċenti tmexxa mill-Ispettur Alfredo Mangion waqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jiddefendu lil Farrugia.
//= $special ?>