Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Louis van Gaal iħabbar li qed jiġġieled il-marda tal-kanċer

Il-coach tat-tim nazzjonali Olandiż Louis van Gaal ħabbar li jinsab marid serjament fejn qed jiġġieled il-marda tal-kanċer. L-eks coach ta’ Man Utd qal li qed isofri minn kanċer aggressiv fil-prostata.

Van Gaal qal li diġa għadda mit-trattament sabiex jeqred din il-marda fejn stqarr kemm-il darba kellu jħalli lit-tim nazzjonali Olandiż biex jirċievi t-trattament, minn wara dahar il-players u l-istaff tekniku.

Minkejja li s-severita tal-kanċer, van Gaal stqarr ma’ stazzjon Olandiż li se jibqa’ jiġġieled biex jirbaħ din il-battalja, filwaqt li ma ta l-ebda indikazzjoni jekk hux se jkun qed iħalli postu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż.

Il-coach ta’ 70 sena stqarr li għalkemm iċ-ċans li jmut mill-kanċer tal-prostataa huwa minimu dan jista’ jikkawża problemi ta’ saħħa oħra. Van Gaal qal li l-familjari u xi ħbieb biss kienu jafu b’din l-aħbar.

Van Gaal hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa coaches tal-ġenerazzjoni tiegħu fejn mexxa lil Ajax għall-żewġ finali konsekuttivi fil-UEFA Champions League, fejn rnexxielhom jirbħuwha fl-1995.

Wara esperjenzi ma’ Barcelona u mat-tim nazzjonali Olandiż, van Gaal mexxa lil Bayern Munich u lil Manchester United, qabel fl-2021 nħatar bħala coach tat-tim nazzjonali Olandiż għat-tielet darba.