Lokali

“Qalbna maqsuma għax kelna nkunu kollha mal-Papa iżda spiċċajna kwarantina”

Minkejja kollox, Fr. Mario Attard, li hu wieħed mis-sitt patrijiet fi kwarantina jibqa' bi tbissima u daħqa mill-isbaħ fuq fommu

Sitt patrijiet li jgħixu fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Marsa spiċċaw kellhom jaraw lill-Papa Franġisku fuq it-televiżjoni biss minkejja li kienu pjanati li jqaddsu biswitu fuq il-Fossos tal-Furjana.

Dan hekk kif il-patrijiet kollha spiċċaw fi kwarantina hekk kif wieħed fosthom instab pożittiv għall-Covid propju ftit sigħat qabel kellhom jiltaqgħu mal-Papa nnifsu.

Net News tkellem ma’ wieħed mill-patrijiet, Fr. Mario Attard li qalilna kif qalbhom maqsuma meta jaħsbu li kellhom iċ-ċans li jiltaqgħu mal-Kap tal-Knisja Kattolika iżda sfortunatament din l-istennija ta’ xhur sfaxxat fix-xejn.

“Għall-ewwel kelli rabja kbira,” ammetta Fr. Attard. “Iżda imbagħad, propju l-bieraħ filgħodu, neħħejt din ir-rabja u offrejt it-talb tiegħu għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli. U kien hawnhekk fejn ħassejt ferħ u paċi kbir. Nittama biss li dawk li qed ibatu jagħmlu kuraġġ u jsibu lil Alla f’qalbhom.”

Fr. Attard assigurana li l-patri li ħareġ pożittiv jinsab f’saħtu. Hu qalilna kif minkejja d-diżappunt tagħhom, xorta waħda ngħaqdu flimkien iktar minn qatt qabel u qed jieħdu ħsieb il-patri li jinsab fi kwarantina sħiħa.

Hu qal li matul il-quddiesa se jkunu qed jingħaqdu flimkien biex isegwuha dirett fuq it-televiżjoni filwaqt li joffru t-talb tagħhom kemm għal iktar saħħa lill-Papa Franġisku iżda wkoll lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.