Knisja Lokali

“Se nġorrkom dejjem f’qalbi u se tkunu dejjem preżenti fit-talb tiegħi”

Kif għidt xi xhur ilu f’Lesbos, “ġejt hawn biex ngħidilkom li ninsab qrib tagħkom… Ninsab hawn biex nara l-uċuh tagħkom, biex inħares f’għajnejkom”. Sa minn dakinhar li mort Lampedusa, qatt ma nsejtkom. Inġorrkom dejjem f’qalbi u intom dejjem preżenti fit-talb tiegħi.”

F’diskors mimili emozzjoni… il-Papa Franġisku wassal messaġġ b’saħħtu ta’ tama lill-immigranti, hekk kif fl-aħħar żjara tiegħu f’pajjiżna, il-Papa ltaqa’ mal-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far.

Fost atmosfera mill-isbaħ mal-wasl tiegħu f’dan il-Laboratorju, huwa saħaq li l-istejjer ta’ dawn l-immigranti iġiegħluna naħsbu f’dawk l-elef ta’ persuni li fil-jiem li għaddew kellhom jaħarbu mill-Ukrajna minħabba l-gwerra… persuni li kellhom jabbandunaw lill-familja tagħhom… lit-tfal tagħhom.. lill-ġenituri tagħhom.

“Hi tiċrita. Tiċrita li tħalli marka. Mhux biss uġigħ tal-mument, emottiv. Tħalli ġerħa kbira fil-mixja tal-maturazzjoni ta’ żagħżugħ, żagħżugħa. Trid iż-żmien biex tfejjaq din il-ġerħa; trid iż-żmien u fuq kollox hemm bżonn ta’ esperjenzi għanja fl-umanità: wieħed jiltaqa’ ma’ persuni li jilqgħuh, li jafu jisimgħu, jifhmu, isieħbu; u anki joqgħod flimkien ma’ sħabu oħra tal-vjaġġ, biex jaqsmu ma’ xulxin, biex jerfgħu l-piż flimkien… Dan jgħin biex ifejjaq il-ġrieħi.”

Papa Franġisku qal li hija l-ħolma tiegħu li dawn il-persuni jduqu akkoljenza mimlija umanità u fraternità, filwaqt li ħeġġiġhom biex ma jaqtgħu qalbhom qatt.

“Hija t-tama li rajt illum f’għajnejkom, li tat sens lill-vjaġġ tagħkom u tgħinkom timxu ’l quddiem. Tgħinkom il-Madonna biex ma titilfu qatt din it-tama! Lilha nafda kull wieħed u waħda minnkom u l-familji tagħkom, u nġorrkom miegħi fit-talb. U intom ukoll, tinsewx titolbu għalija.

Matul din il-laqgħa l-Papa kellu l-okkażjoni jisma’ l-esperjenzi ta’ tnejn minn dawn l-immigranti, Daniel u Siriman. Daniel li huwa Niġerjan telaq minn art twelidu ħames snin ilu fejn matul il-vjaġġ tiegħu, iltaqa’ ma diversi persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom. Huwa rrakkonta wkoll dak kollu li għadda minnu matul dan il-vjaġġ fosthom tortura, ġuħ u biża’ li seta’ jitlef ħajtu. Daniel qal li meta wasal pajjiżna, bid-dmugħ f’għajnejh ħassu mill-ġdid ħieles, iżda sfortunatmanet ma tantx dam hekk, hekk kif ftit tal-ħin wara huwa ttieħed f’ċentru ta’ detenzjoni għal 6 xhur sħaħ. Perjodu li matulu kemm-il darba għaddielu minn moħħu li jneħħi ħajtu b’idejh. Iżda meta mbagħad ġie f’dan il-Laboratju tal-Paċi, jistqarr li ħass ġewwa fih tama ġdida għal futur aħjar.   

Min-naħa tiegħu Siriman qal li ilu jgħix Malta flimkien ma’ martu għal dawn l-aħħar erba’ snin fejn mistenni wkoll ikollhom tarbija. Saħaq li l-vjaġġ tagħhom ta’ tluq minn art twelidhom jibda bit-tama li jkollhom futur aħjar f’pajjiż iktar sigur. Qal li ħafna huma dawk li japrofittaw mid-dgħjufija tagħhom fejn numru ta’ nisa u tfal jispiċċaw vittmi ta’ abbuż u ma jkunux trattati b’dinjità. Siriman wassal messaġġ lill-politiċi li kulħadd għandu jkun trattat b’dinjità u rispett.   

Patri Dijonisju Mintoff li ilu jmexxi dan il-Laboratorju għal iktar minn ħamsin sena rringrazzja lill-Papa Franġisku li żar lil dawn l-immigranti. Żjara li tagħti iktar kuraġġ sabiex inkunu ta’ servizz għall-proxxmu speċjalment ma’ dawk li qed ibatu. Huwa qal li dawn l-immigranti irrispettivament mir-razza u r-reliġjon tagħhom, huma kollha wlied Alla u jistħoqqilhom kull imħabba u dinjità.

Wara li għamel l-indirizz tiegħu il-Papa xegħel xemgħa quddiem ix-xbieha tal-Madonna bħala ġest sempliċi iżda b’tifsira qawwija ta’ fidi f’Alla.  

Fuq barra ta’ dan il-laboratorju kien hemm numru kbir ta’ nies minn nazzjonijiet differenti fosthom Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-invażjoni mir-Russi.  Fi triqtu lejn Ħal Far Papa Franġisku għadda mil-lokalita ta’ B’Bugia fejn hemmhekk kellu laqgħa mill-isbaħ.