Knisja Lokali

Tasal fi tmiemha ż-żjara ta’ Papa Franġisku f’pajjiżna

Fost iċ-ċapċip tal-folla li nġabret qrib l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħaxija, il-Papa Franġisku wasal fl-Ajruport sabiex jaqbad it-titjira lejn Ruma ….u b’hekk intemm dan il-vjaġġ ta’ jumejn f’pajjizna.  Papa li matul iż-żjara tiegħu tkellem dwar l-għaqda, il-maħfra u l-imħabba.. dwar dak kollu li jgħaqqadna u jagħmilna poplu aħjar.

Mal-wasla tiegħu fuq il-mitjar, ftit minuti biss qabel tela’ l-ajruplan, huwa ngħata salut mill-Forzi Armati ta’ Malta …u wara indaqq l-innu Malti.

Qabel ma tela’ huwa sellem lill-President ta’ Malta George Vella, lill-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom membri tal-kleru l-Arcisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l-Kardinal Mario Grech.

U b’hekk b’din iċ-ċeremonja tat-tluq niżel is-siparju fuq din l-ewwel żjara pastorali tal-Papa Franġisku, bil-Papa jitla’ abbord l-ajruplan tal-Air Malta lejn Ruma bit-titjira KM 4282 … numru li jissimmbolizza t-tieni vers tat-28 kapitlu tal-Atti tal-Appostli… versi li kienu t-tema tal-vjaġġ appostoliku li għamel Papa Franġisku f’pajjiżna matul dawn il-jumejn.