Tottenham Hotspur wieġbu bl-aħjar mod għall-iżvantaġġ bikri fil-konfront f’darhom ma’ Newcastle United fejn skurjaw xejn anqas minn ħames gowls għal tliet punti importanti li jtellgħuhom ir-raba’ fil-Premier League. Intant, Spurs għandhom biss differenza ta’ gowls aħjar minn Arsenal li lagħbu żewġ logħbiet anqas u li llum huma impenjati ma’ Crystal Palace. Il-logħba bdiet għat-telgħa għal Tottenham li sabu ruħhom minn taħt wara 39 minuta. Dan meta d-difensur Żvizzeru tal-Magpies, Fabian Schar, dawwar freekick perfett madwar il-ħajt difensiv ta; Spurs, bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka ta’Hugo Lloris.
Ir-risposta ta’ Spurs kienet immedjata u eżatt qabel il-mistrieħ, Ben Davies għola bir-ras għall-kross perfett ta’ Son Heung-min biex jagħmel l-iskor 1-1 minkejja li kien issikkat minn żewġ difensuri. It-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka Tottenham, b’Matt Doherty (48) ipoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ b’diving header fuq il-kross ta’ Kane – u b’Son jgħaqqad wirja personali mill-aqwa bit-tielet gowl wara 54 minuti. Newcastle sfaxxaw kompletament u Emerson Royal għamilhom erba’ mill-viċin, bi Spurs jagħmlu prattikament li jridu minn dak il-ħin – tant li s-sostitut Steven Bergwijn ftit kellu diffikultà biex jegħleb lil Dubravka għall-ħames gowl ta’ Tottenham u li wasal ħames minuti mit-tmiem. Din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Newcastle li issa jinsabu l-ħmistax fil-klassifika, b’disa’ punti vantaġġ fuq iz-zona l-ħamra tal-Premier Ingliż.
Everton baqgħu f’inkwiet serju li jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Dan meta t-Toffees – li ilhom mingħajr rebħa barra minn darhom mit-28 ta’ Awwissu – sofrew telfa oħra, din id-darba għand West Ham United li issa qabżu lil Manchester United fis-sitt post tal-klassifika. Il-Hammers marru fil-vantaġġ minn freekick stupend tad-difensur Aaron Cresswell, iżda minn dak il-ħin, Everton bdew jilgħabu aħjar u fil-bidu tat-tieni taqsima huma għamlu l-iskor indaqs meta Dominic Calvert-Lewin laqat l-angolu tal-lasta u l-miduda qabel Mason Holgate sab ix-xibka b’volley għall-1-1 momentarju.
West Ham imbagħad xeħtu kollox fuq l-attakk u fit-58 minuta, Michail Antonio żgiċċa lid-difiża tat-Toffees u ra x-xutt tiegħu salvat minn Pickford u fejn fil-pront daħal Jarrod Bowen biex jixħet il-ballun f’xibka vojta. L-affarijiet komplew jiggravaw għal Everton meta l-captain Michael Keane intwera tieni karta safra għal fawl ikrah fuq Antonio u minn dak il-ħin kien prattikament impossibbli għat-Toffees li jsalvaw imqar punt minn dan il-konfront. Everton, issa, jinsabu s-sbatax fil-Premier Ingliż b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq Watford li jinsabu t-tielet mill-aħħar. Intant, it-Toffees nhar l-Erbgħa, iridu bilfors jieħdu xi ħaġa mill-konfront ferm importanti ma’ Burnley – it-tieni tim mill-aħħar u li bħalhom jinsabu fi bżonn iddisprat għall-punti.
Ilbieraħ: Liverpool v Watford 2-0, Brighton v Norwich 0-0, Burnley v Man City 0-2, Chelsea v Brentford 1-4, Leeds v Southampton 1-1, Wolves v Aston Villa 2-1, Man Utd v Leicester 1-1 Illum: West Ham v Everton 2-1, Tottenham v Newcastle 5-1, Għada: Crystal Palace v Arsenal 9.00pm
//= $special ?>