Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ħareġ b’appell imqanqal lill-kantanti, mużiċisti u produtturi tal-mużika li kienu preżenti għas-Serata tal-Grammys organizzata ( matul il-lejl tal-Ħadd) fl-MGM Grand Hotel ta’ Las Vegas, fl-Istati Uniti.
Numru ta’ kantanti ċelebri – fosthom Lady Gaga u Justin Bieber – preżenti fis-sala semgħu l-appell ta’ Zelensky ‘biex il-mużiċisti jimlew is-silenzju li ħallew il-bombi tar-Russi ( li neżlin fuq l-Ukrajna) bil-mużika tagħhom.’
Il-President Ukren qal – waqt messaġġ irrekordjat minn qabel – li ‘il-mużiċisti fl-Ukrajna, illum, qegħdin jilbsu l-ilbies protettiv minflok it-tuxedos’ filwaqt li sejjaħ biex l-ismijiet rinomati miġbura fl-MGM Grand ‘jappoġġjaw lill-poplu Ukren b’kull mezz li jistgħu, iżda mhux bis-silenzju’.
Il-Mexxej tal-Ukrajna kompla fuq it-tema bil-kumment li ‘is-silenzju tal-ibliet meqruda u l-vittmi tal-gwerra għandhom jitqiesu dejjem bħala l-aktar ħaġa opposta għall-mużika’.
Hu temm id-diskors bl-awgurju li ‘kull raġel, mara u tfajjel fl-Ukrajna dalwaqt ikunu jistgħu jgawdu l-libertà l-istess bħan-nies fuq il-palk tal-Grammys’.
Wara d-diskors ta’ Zelensky, il-kantant Amerikan John Legend interpreta kanzunetta ġdida bl-isem ‘Free’u fejn akkumpanjawh fuq il-palk, il-mużiċisti Ukreni Mika Newton u Suzanna Iglidan. Dan waqt li Lyuba Yakimchuk, kompatrijotta Ukrena li ħarbet minn pajjiżha jiem ilu, qrat poeżija li hi ddedikat lill-poplu tal-Ukrajna.
Sadanittant, it-telespettaturi li kienu qed isegwu l-Grammy Awards ingħataw id-dettalji ta’ entità karitatevoli li qed tgħin lir-refuġjati mill-Gwerra tal-Ukrajna.
//= $special ?>

