Il-Prim Ministru tal-Polonja, Mataeusz Morawiecki, qal li l-iskoperta ta’ għexieren ta’ katavri maqtula bl-aktar mod brutali fl-ibliet tal-Ukrajna għandha tkun klassifikata bħala ‘eżempju ċar ta’ ġenoċidju minn pajjiż kontra ieħor’.
Morawiecki żvela li l-awtoritajiet Ukreni sabu talanqas 300 katavru ta’ ċivili f’diversi bliet tal-Ukrajna waqt li fisser l-invażjoni ta’ dan il-pajjiż mill-qawwiet tal-Kremlin bħala ‘azzjoni malinna għall-aħħar’.
Hu, fl-istess ħin, sejjaħ għal aktar sanzjonijiet iebsin għall-President Russu Vladimir Putin ‘li qed jippersisti bl-atroċitajiet kontra ċivili li ma jistgħux jiddefendu ruħhom’.
Il-kummenti tal-Prim Ministru Pollakk ingħataw wara li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li ‘mhemmx dubju li dak li qed iseħħ bħalissa fl-Ukrajna għandu jitqies bħala ġenoċidju meta l-Kremlin qed jaħseb biex jelimina għal kollox lill-poplu Ukren’.
Zelensky, fl-aħħar sigħat, żar l-inħawi ta’ Bucha fejn ir-Russi kienu wettqu ammont sostanzjali tal-atroċitajiet u– waqt kummenti lill-BBC – qal li ‘għadu possibbli li pajjiżu jiddiskuti l-paċi mar-Russi’ u li l-Ukreni ‘se jkomplu bl-isforzi diplomatiċi u militari biex jintlaħaq it-tragward.’
Fl-aħħar sigħat, numru ta’ esperti militari wissew li d-dinja għandha tistenna ‘żviluppi agħar u inumani’ mill-Ukrajna u li ħadd ma għandu jaħseb li dawn setgħu kienu ‘atroċitajiet ta’ darba’. Mistenni wkoll li jinstabu dejjem aktar oqbra tal-massa – anki waqt li r-Russi qed jippreparaw biex jiftħu l-fronti ġodda tal-gwerra fl-artijiet Ukreni.
//= $special ?>

