Il-pajjiżi tal-Punent, mingħajr eċċezzjoni, ingħaqdu f’espressjonijiet ta’ stmerrija u kundanna għar-Russja meta komplew joħorġu l-filmati tal-katavri ta’ ċivili mifruxin mat-toroq u postijiet pubbliċi oħra fl-ibliet tal-Ukrajna.
Dan meta l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-President Russu, Vladimir Putin, daħlet fl-40 jum u fejn qed jidher li t-truppi tal-Kremlin wettqu diversi massakri ta’ ċivili fl-inħawi ta’ Irpin u Bucha.
Filwaqt li qed jinstabu aktar ċivili maqtula b’idejhom marbutin minn wara — u fost sinjali li huma nqatlu fuq stil ta’ esekuzzjoni – is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko (li kellu karriera bħala boxer rinomat) qabbel dawn ix-xeni tal-waħx ma’ ‘film ta’ orrur li li qed jiżvolġi fir-realtà’.
Klitschko, li hu prominenti fuq lista ta’ Ukreni ‘immarkati għall-mewt’ mir-reġim ta’ Putin, mgħandhux dubju li aktar minn dawn ix-xenarji terribbli ‘iridu jfeġġu għall-għajnejn tad-dinja’ fi bliet oħrajn tal-Ukrajna u wissa li l-aggressuri Russi ‘għandhom iħallsu prezz kbir ħafna għall-massakri ( ta’ ċivili) li qed iwettqu’.
Fl-aħħar sigħat, il-membri tal-media barranija raw aktar provi dwar il-qtil ta’ ċivili mis-suldati Russi li kienu qed jirtiraw mill-periferiji ta’ diversi bliet Ukreni. Hawnhekk spikkat is-sejba ta’ qabar b’numru ta’ katavri ta’ ċivili li qed jingħad li nqatlu ‘kiesaħ u biered’ fuq il-post mill-qawwiet ta’ Putin.
//= $special ?>

