Internazzjonali

L-Ungerija: Suċċess elettorali ieħor għal Viktor Orban u l-Partit Fidesz

UNGERIJA

Il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, rebaħ ir-raba’ mandat ta’ poter fl-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit tiegħu Fidesz kiseb ftit aktar minn 53 fil-mija tal-vot popolari.

Is-sensiela ta’ suċċessi elettorali għal Fidesz ilhom mill-2010 u bl-Alleanza tal-Oppożizzjoni taħt it-tmexxija ta’ Peter Marki-Zay issofri disfatta kbira b’35 fil-mija biss tal-vot….Dan qed jindika li waqa’ fuq widnejn torox  il-messaġġ tal-kampanja fis-sens li Orban u l-Fidesz iżolaw lill-Ungerija mill-kumplament tal-Unjoni Ewropea u l-kriterji bażiċi tad-demokrazija.

Fit-tnax-il sena li ilu fil-poter, Viktor Orban bidel il-kostituzzjoni tal-Ungerija waqt li mela l-qrati prinċipali ta’ pajjiżu bin-nies ippreferuti minnu. Fl-istess ħin, Orban biddel is-sistema elettorali b’mod li hu u l-Fidesz setgħu jiggwadanjaw l-aktar …Dan waqt li s-slogan tal-Oppożizzjoni għal din l-elezzjoni kien biex il-poplu jagħżel vbejn Viktor Orban u l-Ewropa.

Fid-diskors tar-rebħa, Orban ikkritika lill-burokratiċi fi Brtussell flimkien mal-media internazzjonali bħala avversarji ta’ Budapest. Orban, waqt id-diskors, ikkritika anki lil Volodymyr Zelensky minħabba li l-Mexxej Ukren kemm-il darba tkellem kontra d-deċiżjoni ta’ Orban biex jipprojbixxi t-trasferiment ta’ armi lejn l-Ukrajna li taqsam fruntiera mal-Ungerija.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Ungerija qed tindika li l-Partit Fidesz għandu jkollu maġġoranza ta’ żewġ-terzi fil-Parlament u rappreżentanza ta’ 135 deputat fl-Assemblea ta’ Budapest. Dan meta mistenni li l-Alleanza fl-Oppożizzjoni se tkun rappreżentata biss minn 56 deputat.