Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Marsa

Kmieni dalgħodu, għal ħabta tat-3:15am, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa.

Il-Pulizija marret immedjatament fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Eritrean ta’ 31 sena residenti Ħal Far, intlaqat minn Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena residenti ż-Żejtun.

Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.