Lokali Qorti

Wara 15-il sena, tirbaħ battalja fil-Qorti biex tiftaħ spiżerija f’Burmarrad

Imħallef qaleb deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa li jirrifjutaw applikazzjoni ta’ mara li fl-2008 applikat biex tiftaħ spiżerija f’Burmarrad minħabba li ġiet interpreatat ħażin il-liġi li tirrestrinġi l-permessi tal-ispiżeriji f’ċerti rħula. L-Imħallef Robert Mangion qal li Burmarrad taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ belt, kif speċifikat fil-liġi, u l-awtoritajiet tas-saħħa kienu żbaljati meta ċaħdu lil Jane Mifsud permess biex tiftaħ spiżerija hemmhekk.

Il-Qorti semgħet kif Mifsud kienet ressqet l-applikazzjoni tagħha lis-Supretendent tas-saħħa pubblika, bħala l-awtorità tal-liċenzjar tal-ispiżeriji, f’April 2008, għal liċenzja biex tinfetaħ spiżerija fi Triq Burmarrad, ftit faċċata tat-triq mill-knisja parrokkjali. Il-ħanut, bħalissa qed jintuża bħala ċentru tas-sbuħija.

Il-permess ma nħariġx u għalhekk Mifsud ressqet ilment lill-Ombudsman li, fl-2011, li ddeċida favur tagħha u rrakkomanda li l-applikazzjoni tagħha tiġi pproċessata “mill-aktar fis possibbli”. Madankollu, is-Supretendent tas-saħħa pubblika insista li ma setax jimplimenta r-rakkomandazzjoni għax, fost l-oħrajn, l-Ombudsman kien interpreta ħażin id-definizzjoni ta’ ‘belt’ u għax il-liġi tgħid li l-irħula mhumiex meqjusa bħala lokalità separata.

Hija kienet infurmata wkoll mill-Ombusdman, li kieku kellha tiftaħ spiżerija f’Burmarrad, nies li joqogħdu fil-qrib setgħu jixtru l-mediċini tagħhom minn hemm aktar milli jivvjaġġaw lejn San Pawl il-Baħar, fejn spiżerija tkun ta’ benefiċċju għal aktar nies li jgħixu hemmhekk.

Xehed rappreżentant mill-Awtorità tal-Mediċini li qal li l-liġi tippermetti sa żewġ spiżeriji għal kull lokalità. Madankollu, kien hemm seba’ spiżeriji f’San Pawl il-Baħar u 31 applikazzjoni pendenti. Kien hemm madwar 500 persuna intitolati li jivvutaw f’Burmarrad, li issa għandha l-kunsill amministrattiv tagħha.

Ray Busuttil, dak iż-żmien is-Supretendent tas-saħħa pubblika, qal li l-applikazzjonijiet għall-ispiżeriji kienu pproċessati skont il-ħtieġa tal-lokalità u li pproċessaw applikazzjonijiet għal lokalitajiet fejn hemm kunsill lokali mhux kunsill amministrattiv.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li belt hija definita bħala lokalità li għandha l-kunsill lokali tagħha stess iżda l-qorti neħħiet dan l-argument, u qalet li “mhux raġonevoli” u ddeskrivietu bħala “assurd”. L-imħallef qal li r-regolamenti li jkopru l-liċenzjar tal-ispiżeriji jiddefinixxu belt bħala waħda li għandha kunsill jew kumitat.

L-Imħallef Mangion qal li kull interpretazzjoni oħra tar-regolamenti “ma tagħmilx sens” u għalhekk ordna lis-Supretendent tas-saħħa pubblika biex jipproċessa l-applikazzjoni ta’ Mifsud għal liċenzja ta’ spiżerija. Il-Qorti ipposponiet ukoll seduta f’Mejju l-kalkolu fuq kumpens li Mifsud kien dovut lilha b’riżultat tar-rifjut tal-awtorità li tipproċessa l-applikazzjoni tagħha. L-Avukat Edward Debono rrappreżenta lil Mifsud filwaqt li l-avukat James Paul Scerri Worley deher għas-supertendent tas-saħħa pubblika.