Il-Laboratorju tal-Paċi jilqa’ fih immigranti li la jingħataw l-istatus ta’ refuġjati u lanqas ta’ għajnuna umanitarja. Kien għalhekk li l-Papa insista li jżur dan il-post matul iż-żjara ta’ jumejn f’pajjiżna.
Hekk spjega Patri Dijonisju Mintoff matul intervista ma’ NET News, quddiem l-inkwadru tal-Madonana tal-Mistrieħ, li l-Kap tal-Knisja Kattolika rregala lil-Laboratorju.
Fl-intervista li tana f’din il-kappella…Patri Dijonisju spjega li l-Laboratorju tal-Paċi issawwar wara li l-Papa Ġwanni XXIII kien talab lill-Ordnijiet Reliġjużi, partikolarment lill-Franġiskani, biex jaħdmu fuq proġetti dwar l-edukazzjoni għall-paċi. Bl-Ordni Franġiskan f’Malta jkun l-ewwel wieħed li ħareġ b’tali proġett.
Maż-żmien, il-Laboratorju tal-Paċi beda jipprovdi saqaf għall-immigranti li Patri Dijonisju stess spjegahom bħala “miċħudin” jew ‘stateless’ għax in-Nazzjonijiet Uniti kklassifikathom daqslikieku m’għandhom dritt joqgħodu mkien. “Ara kemm is-sitwazzjoni hi tal-mistħija”, spjega Patri Dijonisju, “imma aħna …lil dawn nieħduhom”.
Il-laqgħa fil-Laboratorju tal-Paċi saret fuq insistenza tal-Papa Franġisku nnifsu.
Xhur ilu, kienu ħafna dawk li pprovaw jaqtgħulu qalbu milli jagħmel din il-laqgħa – min għal raġuni u min għal oħra – iżda l-Kap tal-Knisja Kattolika nsista, tant li qal li jekk ma ssirx din il-laqgħa, kien lest iħassar iż-żjara kollha f’pajjiżna.
Patri Dijonisju spjegalna li għalkemm ġieli marru nies kbar oħrajn, dawn iż-żjarat dejjem saru bil-kwiet. Iżda feraħ ħafna meta sar jaf li kien sejjer il-Papa għax qatt ma kien jistenna li se jkun Franġisku nnifsu li jitlob li ż-żjara sseħħ.
Staqsejnih kif ħassewhom ir-residenti tal-Laboratorju tal-Paċi li raw lil Kap ta’ Knisja oħra fosthom u jitlob magħhom, minkejja li ħafna minnhom m’humiex Insara. Qal li huma laqgħuh bil-ferħ għax għalihom, m’hemmx Knisja jew oħra, iżda jgħixu flimkien bħal familja waħda.
Dwar ir-rigal li ngħata mill-Papa – l-inkwadru tal-‘Madonna del Riposo’, Patri Dijonisju qal li ma stenna qatt li l-Papa kien se jagħtihom rigal. Meta ppreżentahulu, qallu li dan kien minn qalbu għalihom. Fakkru kif hi l-Madonna li tagħti s-serħan u li kulħadd ipoġġi f’ħoġorha jew li jieħu l-ħalib tagħha.
Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Knisja Kattolika ngħata tpinġija tar-Ragħaj it-Tajjeb … mhux kif nafuh aħna, iżda tar-Ragħaj it-Tajjeb Afrikan, fl-ambjent Afrikan u bil-mod kif jimxi r-Ragħaj Afrikan.
L-uniku element reliġjuż li kien hemm matul iċ-ċelebrazzjoni kienet statwa tal-Madonna, li normalment tkun fuq l-Altar tal-Kappella tal-Laboratorju. Għax għalkemm hi xbieha tal-Insara, ir-residenti tal-Laboratorju kollha drawha u kollha kuntenti biha għax jgħożżu l-fatt li jarawh jitlob ir-Rużarju quddiemha.
Fuq kollox, staqsejna lil Patri Dijonisju x’kien il-messaġġ li l-Papa Franġisku qallu f’widnejh meta kien ħiereġ mil-Laboratorju tal-Paċi.
Dik hi x-xewqa tal-Papa Franġisku, tenna Patri Dijonisju, illi stqarr kif il-Papa spiċċa bid-dmugħ f’għajnejh għax lanqas ried joħroġ minn hemm, tant li ra li jkellem lil kulħadd u jisma’ l-istejjer li bdew jgħidulu.
//= $special ?>