Illum, għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’garaxx fi Triq l-Isperanza, il-Mosta.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kien qam argument bejn żewġt irġiel, raġel ta’ 57 sena residenti l-Mosta u r-raġel l-ieħor li laħaq telaq minn fuq il-post sakemm waslu l-pulizija. Jidher li waqt l-argument ġiet użata arma li taqta’ u bil-ponta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>