Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Bormla wieġeb mhux ħati wara li tressaq taħt arrest, akkużat li sawwat lis-sieħba tiegħu li tinsab tqila b’lasta ta’ xkupa wara argument fiżiku u vjolenti fid-dar tagħha fil-Belt Valletta, fejn id-difiża allegat li r-raġel kien ġie attakkat b’imqass u ġarrab feriti fil-muskolu ta’ spalltu.
Ir-raġel, li jaħdem bħala ‘deliveryman u gwardjan tas-sigurtà, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni imposta mill-qorti, deher quddiem il-maġistrat Gabriella Vella, akkużat b’attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna ġrieħi ħfief u li attakka lis-sieħba tiegħu li magħha qed jistenna tifel u għandu tfal oħra minnha.
L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Qorti li l-pulizija kienet issejħet fuq il-post minn nies fil-qrib fit-3 ta’ April, wara li l-mara dehret tiġri barra mid-dar tagħha fil-Belt, tgħajjat u dmija b’mod abbundanti minn ferita f’rasha. Ir-raġel b’xi mod żgiċċa mill-bitħa tad-dar fil-Belt.
L-għada huwa mar jiffirma fl-Għassa ta’ Bormla fuq każ ieħor u hemm spiċċa arrestat, fejn kien qal lill-pulizija li kien aġixxa b’difiża personali hekk kif il-mara kienet attakkatu b’imqass waqt argument. L-akkużat kien sofra wkoll ġrieħi ħfief, qalet l-avukat difensur tiegħu fil-Qorti.
L-Avukat Francesca Zarb li flimkien mal-Avukat Franco Debono deheret għall-akkużat qalet li l-klijent tagħha kien qed iwieġeb mhux ħati u talbet il-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba r-riskju li l-akkużat ibagħbas fil-provi. Il-partijiet kienu għadhom qed jikkomunikaw, qal l-ispettur, filwaqt li rrimarka li l-imputat kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ preċedenti.
Zarb qalet li r-raġel se jkun qed joqgħod ma’ ommu jekk tingħata l-libertà proviżorja. L-omm fil-fatt kienet preżenti fl-awla u kkonfermat dan u ipprovdit l-indirizz tagħha, li jinsab Bormla wkoll. Id-difiża sostniet ukoll li ma kienu ġew imposti l-ebda ordnijiet ta’ protezzjoni u l-ksur tal-pleġġ għad irid jiġi ppruvat.
Il-Maġistrat Gabriella Vella, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li ma jikkuntattjax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, jiffirma fl-Għassa ta’ Bormla tliet darbiet fil-ġimgħa u joqgħod ma’ ommu. Huwa kien ipprojbit milli jidħol fit-triq fil-Belt fejn toqgħod is-sieħba tiegħu. Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €1,000 flimkien ma’ garanzija personali ta’ €5,000. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.
//= $special ?>