Lokali Qorti

Deliveryman jammetti li kien qed isuq mutur meta kien taħt l-influwenza tal-alkoħol

Raġel ta’ 30 sena minn Nepal li jaħdem bħala deliveryman fil-ġeneru tal-ikel ammetta li matul il-lejl bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn li għadda fil-by pass ta’ Birkirkara kien qed isuq mutur meta kien taħt l-influwnza tax-xorb. Shree Krishna Pangeni li joqgħod l-Imsida ammetta ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq.

Ir-raġel li qed jiffaċċa 11-il akkuża ġie mixli wkoll li saq bla liċenzja u mingħajr ma kien kopert b’polza tal-assikurazzjoni, ,li naqas li joqgħod għall-indikazzjoni mogħtija minn uffiċjali pubbliċi u li saq il-mutur b’manjiera eċċessiva. Pangeni ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq vettura tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

L-Ispettur Christabelle Chetcuti qalet li meta kien mitlub biex jieqaf l-akkużat naqas milli jagħmel dan u wara li l-Pulizija segwewh u waqaf, huwa beda mill-ewwel jikkopera mal-Pulizija. Hija qalet ukoll li lanqas kellu problmi biex jiffirma l-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija.

L-Avukat Mark Mifsud Cutajar qal li l-fatt li l-akkużat qed jammetti mill-ewwel u li kkopera mal-Pulizija għandu jingħata l-pleġġ sakemm tingħata s-sentenza. Huwa qal ukoll li huwa mportanti għalih li jkomplu jmur għax-xogħol minħabba li x-xogħol tat-tqassim tal-ikel huwa l-unika mezz tal-għixien tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella filwaqt li ħelset mill-arrest lir-raġel ordatlu biex sa nhar it-Tnejn filgħodu meta se tingħata s-sentenza huwa jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ l-Imsida bejn it-8am u t-8pm, biex ma jitlaqx minn Malta, biex ma jinħebiex u biex jiddepożita l-passaport tiegħu fil-Qorti. Huwa ngħata wkoll il-pleġġ fuq garanzija personali ta’ €5,000.