L-atroċitajiet kontinwi mill-Armata tar-Russja fuq iċ-ċivili fl-Ukrajna wasslu biex Franza u l-Ġermanja jkeċċu numru ta’ diplomati Russi mill-artijiet tagħhom. Intant, fl-aħħar sigħat ingħatat ukoll il-konferma li l-Italja, id-Danimarka u l-Iżvezja ħadu l-istess pass fil-konfront tad-diplomati ta’ Moska.
Is-sorsi qrib il-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin sostnew li l-Italja keċċiet talanqas 30 diplomat Russu minħabba ‘tħassib dwar is-sigurtà’.
Intant, id-Danimarka keċċiet 15-il diplomati Russi oħra fost il-provi ġodda tal-massakri ta’ ċivili Ukreni taħt idejn il-qawwiet tal-Kremlin u li qed jispikkaw fl-inħawi ta’ Bucha, viċin ta’ Kiev.
L-Iżvezja issa qed taħseb biex ukoll tkeċċi numru ta’ diplomati Russi li, bl-aġir tagħhom, mhumiex jirrispettaw ir-regoli tal-gwerra internazzjonali taħt il-Konvenzjoni ta’ Vienna. Dan il-pass ikkonfermatu l-Ministru Żvediż għall-Affarijiet Barranin, Ann Linde.
U l-aħħar rapporti sostnew li Spanja ddeċidiet biex tkeċċi numru ta’ diplomati Russi, għalkemm ma ngħatawx dettalji mill-awtoritajiet f’Madrid.
Ma setax jonqos li dawn il-passi qed iqanqlu għadab sostanzjali f’Moska, bl-eks President Russu, Dmitry Medvedev – illum iċ-Chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja — ma jħalli l-ebda dubju li pajjiżu se jirritalja ‘waqt li jagħlaq il-bibien għall-ambaxxati tal-Punent’.
//= $special ?>