Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Kull ewro li jitħallas lir-Russja hu mċappas bid-demm tat-tfal’

Is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, ħeġġeġ biex il-Gvernijiet kollha tal-Ewropa jinħallu minn kull irbit jew kuntratti kummerċjali ma’ Moska.

Klitschko, wara li żar l-inħawi madwar il-kapitali Ukrena fejn seħħew l-agħar atroċitajiet fuq ċivili innoċenti, qal li kull ewro li jingħata mill-Ewropa lir-Russja bħala pagament għal riżorsi bħall-gass hu ‘imċappas bid-demm tan-nisa u tfal tal-Ukrajna’.

Iżda filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra aktar sanzjonijiet fuq il-Kremlin u l-uffiċjali influwenti  viċin il-President Russu, Vladimir Putin, hu minnu wkoll li numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom il-Ġermanja, huma dipendenti ħafna fuq il-gass mir-Russja u għadhom qed jagħmlu l-pagamenti sinifikanti lil Moska.