Lokali

“Il-jumejn taż-żjara appostolika ġabet ferħ u paċi” – L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jirringrazzjaw minn qalbhom lill-poplu Malti u Għawdxi għall-merħba mimlija ferħ, għożża u fidi li taw lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’din “l-art imdawla”, kif għoġbu jsejjaħ lil pajjiżna.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qalu li dawn kienu jumejn li nisslu f’qalbna ferħ u paċi, u li saħħew fina l-fiduċja li bħala pajjiż nistgħu nagħtu kontribut biex jilma l-wiċċ sabiħ tal-bniedem.

L-Isqfijiet għandhom fiduċja qawwija li din iż-żjara tas-suċċessur ta’ San Pietru f’pajjiżna ser issaħħaħ l-enerġiji tagħna sabiex “inroddu lura s-sbuħija tal-wiċċ tal-bniedem”, inpoġġu l-persuni dgħajfa fiċ-ċentru tal-għażliet tagħna, u li bħala Nsara nsibu l-ferħ tagħna fl-impenn biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba.

Apprezzament partikolari lill-mijiet ta’ persuni li taw ħinhom, l-enerġija u l-professjonalità tagħhom sabiex din iż-żjara setgħet isseħħ: il-Kumitat Organizzattiv tal-Knisja u l-Kumitat Organizzattiv tal-Istat, il-Forzi tal-Ordni u l-Korpi Dixxiplinati, l-awtoritajiet tas-saħħa, il-Kulleġġ tal-Kappillani u l-parroċċi, il-voluntiera, l-impjegati tal-Kurja u entitajiet oħra tal-Knisja, il-media lokali u l-mezzi kollha tax-xandir li kienu ta’ servizz lil min segwa mid-dar, u kif ukoll lil kull min ta l-kontribut tiegħu.