Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għadu kemm indirizza ( permezz ta’ videolink) lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ‘f’isem il-vittmi kollha tar-Russja’…Dan fost akkużi diretti li t-truppi ta’ Moska qegħdin joqtlu bl-aktar mod barbaru liċ-ċivili Ukreni waqt li jistupraw lin-nisa fl-artijiet okkupati minnhom ‘mingħajr rażan’
Dan kien l-ewwel indirizz ta’ Zelensky lill-Kunsill mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna u meta hu qed jakkuża lill-President Putin u l-Kremlin ta’ Moska dwar ġenoċidju.
Fid-diskors, Zelensky iddettalja l-atroċitajiet li qal li wettqu l-qawwiet Russi matul l-invażjoni ta’ pajjiżu u enfasizza li ‘it-truppi tal-Kremlin (fl-Ukrajna) qegħdin joqtlu u jittorturaw liċ-ċivili purament għall-gost u pjaċir tagħhom’.
Hu kompla li r-Russi ‘ma żammewx lura minn imqar reat wieħed’ huma u jeqirdu l-poplu fil-belt ta’ Bucha. Intant, Zelensky saħaq li ċ-ċivili Ukreni spiċċaw maqtulin b’tiri fit-toroq u fid-djar tagħhom, b’oħrajn jisfaw mgħaffġin taħt it-tankijiet tal-gwerra jew mitfugħin fil-bjar u ‘bis-suldati ta’ Putin jitrattaw din is-sitwazzjoni terribbli bħala xi ċajta kbira’.
F’dan id-diskors imqanqal, Zelensky semma katalgu sħiħ ta’ atroċitajiet fil-konfront tal-familji Ukreni, fejn it-truppi tal-Kremlin ippruvaw jaħarqu l-katavri wara li biċċru lill-vittmi u stupraw l-għexieren tal-ommijiet quddiem uliedhom ċkejknin.
Hu irrepeta li l-azzjonijiet tar-Russi qed jixbħu ħafna l-azzjonijiet tal-qattiela tal-ISIS u li Vladimir Putin ‘irid jesporta l-mibgħeda tiegħu għall-umanità lejn pajjiżi oħra ‘il hinn mill-Ukrajna.’
Fl-istess ħin, Zelensky qal li jixtieq li jsir jaf ‘x’sar minnhom il-garanziji ta’ paċi u sigurtà min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà’. Hu ikkonkluda li ma jista’ jara l-ebda differenza bejn dak li qed iseħħ f’pajjiżu u l-azzjonijiet tat-terroristi ‘ħlief għall-fatt li r-Russja hi membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU’.
//= $special ?>