Sport Sport Ieħor

Manchester Conquest Pub jiksbu rebħa prestiġġjuża

Manchester Conquest Pub kisbu rebħa importanti fil-kampjonat 8-a-side tad-darts meta għelbu lil-liders Qormi Hockey Club A 6-2.

It-tim mill-Isla rnexxielhom idawwar telfa f’rebħa u minkejja li l-Qriema baqgħu jissieltu sal-aħħar ma setgħu jagħmlu xejn sabiex jevitaw it-telfa.

Ħamrun Bayern A żammew it-tieni post tal-klassifika wara rebħa faċli ta’ 7-1 kontra MCP Floriana Ajax B. Rebħiet importanti kisbuhom MCP Floriana Ajax A u Ħamrun Education Men li għelbu lil PO’s Bar 6-2 u Sliema Inter DC 5-3 rispettivament.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Qormi Hockey B ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lit-tim tal-qiegħ Birżebbuġa St Peters 8-0 sabiex baqgħu jżommu seba’ punti vantaġġ fuq Fgura Darts B li min-naħa tagħhom għelbu lil Ħamrun Bayern B 6-2. Whyte Hart jinsabu fit-tielet post tal-klassifika wara suċċess ta’ 6-2 kontra Żurrieq FC filwaqt li Munchies u Top Gun Bar temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro eċitanti ta’ 4-4.

Finalment mit-tielet diviżjoni, Banda Birżebbuġa 1990 jinsabu għaxar punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Beland Bull’s Eye wara li rebħu 7-1 lil St Pauls Diamonds. Min-naħa tagħhom iż-Żwieten għelbu lil Education Ladies 6-2 filwaqt li fid-derby tal-Imqabba, Tal-Ġilju għelbu lil Mqabba FC 5-3. Cox Bar u Fgura Darts A offrew logħba bilanċjata bl-iskor finali jkun dak ta’ 4-4.