Lokali

“Rajna Ukreni maqtula intortament u konna 5cm ‘l bogħod milli nirfsu grenade”

“F’ħin minnhom konna mixjin fost ħafna tankijiet Russi u pass minnhom għamiltu 5 ċentimentri ‘l bogħod minn grenade. Dak il-ħin qalbi waqfet. Esperjenza li tbeżżak.”

Hi din is-sitwazzjoni li sabu ma’ wiċċhom il-ġurnalisti Maltin, Giuseppe Attard u Neil Camilleri fl-Ukrajna hekk kif ilhom jiem jirraportaw minn dan il-pajjiz.

Attard u Camilleri…f’isem il-Malta Independent… bħalissa jinsabu fil-belt ta’ Lviv, u mistennija jirritornaw lura pajjiżna l-Ħamis li ġej.

Huma spjegaw ma’ Net News kif minn dak li raw huma stess… dan il-kunflitt jidher li baqalu x-xhur għaddej, liema kunflitt qed iġib miegħu perikli kbar għall-Ukreni.

“Qabel morna f’Bucha avżawna li r-Russa ħallew ħafna splussivi warajhom u b’hekk kull pass li ħadna seta’ kien l-aħħar wieħed tagħna,” qal Camilleri. “Konna avżati biex ma mmissu xejn u noqgħodu attenti.”

Il-ġurnalisti Maltin spjegaw kif fl-aħħar jiem raw sitwazzjonijiet u xeni li se jibqgħu mmarkati għal dejjem fil-memorja tagħhom.

Aħna kollha umani. Meta tara suldat Russu mejjet, imbiċċer, maħruq, biċċiet ta’ ġismu mixħutin ‘l hemm u ‘l hawn. Xorta tħoss għalih anke minkejja li invadi pajjiż. Iżda l-agħar ħaġa li tara nies innoċenti mejtin. Fil-qabar tal-massa kien hemm numru ta’ tfal u nisa – xi ħaġa li tolqtok,” qalu Attard u Camilleri.

Il-Maltin irrimarkaw ukoll fuq l-għaqda li qed tispikka fost il-poplu Ukren, u n-nies qed jghinu lil xulxin bil-mezzi kollha li jistghu.