Anzjan ta’ 67 sena ġie kundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li seraq eluf ta’ ewro f’elettriku ta’ ħanut tax-xagħar li kien hu stess jikri lil mara. Il-vittma Louisa Cesare kienet għalqet il-ħanut fi żmien il-pandemija bir-riżultat li l-kontijiet tal-elettriku bdew jiskalaw flok jonqsu u għalhekk sar rapport lill-Pulizija biex jinvestigaw x’kien qed jiġri u jekk kienx qed isir xi ħaġa llegali.
Mill-provi rriżulta li Francis Vassallo, li hu stess għadda s-sistema tal-elettriku fil-ħanut kien għaddih b’tali mod biex il-kont ta’ binja jgħaddi fuq il-ħanut Louisa Hair Spa Concept. Dan kien għamlu fis-sena 2005 u kien iċċarġja lill-koppja Cesare is-somma ta’ LM2,300 (€5,357) biex għadda s-sistema tad-dawl. Issa l-vittma mistennija tiftaħ kawża ċivili kontra l-ħati biex tirkupra l-flus misruqin lilha.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li dwar il-piena l-Qorti qieset in-natura tal-akkuża li qed tinstab ħtija dwarha, fejn Vassallo ma sab l-ebda diffikultà jisraq propju mingħand minn kien qed iħallsu sabiex jaqla’ l-għixien minn tiegħu.
Ittieħed kont tal-fatt li fl-ebda ħin ma jirrizulta li l-imputat wera xi rimors ghall-għemilu jew ipprova jikkumpensa lil koppja Cesare. Finalment ma setax ma jitqies ukoll li dan is-serq kien ilu għaddej xhur sħaħ biex b’hekk tirriżulta applikabbli d dispożizzjoni tal-artikolu 18 tal-Kodiċi Kriminali, dik ta’ serq kontinwat.
Ġie pruvat mix-xhieda li l-fix-shaft tal-garaxx li jappartjeni lill-imputat, kienet tinstab il-connection mqabbda bil-moħbi mal-main switch tal-ħanut mikri lil Cesare. Din il-‘connection’ tikkostitwixxi il-mezzi qarrieqa li permettiet sabiex Vassallo jkollu l-użu w l-konsum illeġittimu ta’ dawl li kienu qed iħallsu għalih il-koppja Cesare.
Louisa Cesare xehdet kif ilha topera l-ħanut Louisa Hair Spa Concept fi Triq Santa Marija, Għaxaq, mill-2010 wara li nkera mingħand l-imputat. Ftit qabel ma ħarġu l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa biex stabbilimenti jingħalqu minħabba l-pandemija, hi kienet diġà għalqet is-salon.
Qalgħet il-plakkek kollha u l-arloġġ tad-dawl baqa’ jdur
Cesare qalet li tfiet kollox u neħħiet il-plakkek kollha. Wara ftit żmien, żewġha qalilha tittawwal sal-ħanut biex tassigura li kollox kien sew. Meta marret tiċċekkja l-ħanut innutat li kien hemm bozza tteptep fuq l-arloġġ tad-dawl u fuq parir ta’ żewġha ħadet il-qari tal-arloġġ u ritratti tiegħu.
Ġimgħa u nofs wara reġgħet marret il-ħanut biex tiċċekkja l-arloġġ fejn ghal darba oħra ntebħet li l-arloġġ kien qed jirreġistra l-konsum. Cesare ċemplet lill-Enemalta plc. sabiex tivverifika jekk l-arloġġ kienx qiegħed jiffunzjona sew u dan ġie kkonfermat fl-affermattiv.
Sussegwentement ingħatat parir mill-Enemalta sabiex tmur tagħmel rapport l-għassa sabiex jiġi investigat jekk kienx hemm każ ta’ serq ta’ dawl. Ix-xhud tispjega li ġabet electrician li eżamina s-sistema elettrika tal-ħanut.
Kien hawn li nstab wire għaddej ghal ġol-garaxx tal-imputat. Ix-xhud tkompli li hija kienet infurmat lill-pulizija sabiex tintervjeni, “Jien bdejt ngħid lill-Pulizija jiġu imma bdew jgħiduli ma nistgħux niġi għax l-ewwel irid jiġi inkriminat [sic] imbagħad niġu u naraw aħna”.
Ix-xhud għaddiet biex tindika l-kronoloġija ta’ kif ġie skopert dan is-serq ta’ dawl. Kull meta marret il-ħanut ħadet ritratti tal-readings, qari li kontinwament kien qed jiżdied, liema ritratti għaddiethom lill-pulizija. Reuben Bonnici f’isem il-kumpanija ARMS Ltd., ippreżenta kont finali f’isem John Paul Cesare, datat 23 ta’ Jannar 2021, wara li l-kont kien ġie ttrasferit għal fuq terzi.
Huwa esebixxa ukoll sensiela ta’ kontijiet li jkopru perjodi differenti fejn il-qari kien dejjem dak attwali. Qal li f’ċerti xhur, per eżempju fis-sajf u partikolarment f’Santa Marija, meta l-ħanut ikun bix-shut down, il-konsum tad-dawl w ilma kien jitbaxxa ftit. Jirrizulta li hemm żewġ dips partikolari li huma għall-ħabta t’Awwissu, fejn jidher li għalkemm il-ħanut kien magħluq, xorta waħda baqa’ jiġi reġistrat konsum ta’ dawl.
Tonna jkompli li mill-analiżi tiegħu, setgħa jikkonstata li d-differenza fil-konsum ta’ units bejn perjodu w ieħor kienet ta’ 5 sa 10 units. Fil-fatt bejn ix-xhur ta’ Lulju w Awwissu tas-sena 2019 u Lulju w Awwissu tas-sena 2020 kien hemm diskrepanza ta’ 10 units filwaqt li l-konsum tal-ilma baqa’ l-istess.
Madanakollu il-Qorti qalet li mhix f’pożizzjoni li tiddetermina sal-grad rikjest mill-liġi il-valur totali ta’ kurrent elettriku li Vassallo ibbenefika minnu w li għalih ħallsu l-koppja Cesare. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef, l-Avukat Lennox Vella deher għall-Vassallo filwaqt li l-Avukat Edward Gatt deher għal Cesare.
//= $special ?>