Lokali Qorti

Sentenza sospiża u ħlas ta’€14,000 f’danni wara li ta n-nar BMW

Raġel ta’ 34 sena li ammetta li fis-26 ta’ Frar li għadda ta n-nar karozza fl-Imsida ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Mustafa Ozturk, mit-Turkija, li joqgħod Ħal Luqa, kiem mill-ewwel wieġeb ħati li ta n-nar lill-vettura BMW meta ma kien hemm ħadd fiha. Il-Qorti ordnat ukoll lil ħati sabiex iħallas €14,000 lill-vittma fuq il-valur tal-karozza.

Il-Pulizija u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu ssejħu biex jgħinu fit-tifi tan-nar fi Triq Clarence, l-Imsida, fis-26 ta’ Frar fil-5.45am. Meta n-nirien intfew, l-investigazzjonijiet bdew taħt inkjesta maġisterjali. Ħamest ijiem wara, il-pulizija ressqu lir-raġel il-Qorti.

“Dan huwa każ ta’ darba, ir-raġel għandu rekord kriminali nadif bid-difiża u l-prosekuzzjoni qablu li sentenza sospiża tkun piena adegwata,” informa lill-Qorti l-avukat difensur Alfred Abela. L-Ispetturi tal-Prosekuzzjoni Jeffrey Scicluna u Jonathan Ransley ikkonfermaw li r-raġel, li huwa Manager ta’ ħanut, kien ikkopera bis-sħiħ, kellu rekord kriminali mhux imċappas u rreġistra ammissjoni fl-aktar stadju bikri tal-proċeduri.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qablet iżda wissiet lill-imputat dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu, u għamlitha ċara li l-akkużi kellhom sentenza ta’ ħabs possibbli bejn sentejn u erba’ snin. Il-Qorti kienet infurmata li l-karozza spiċċat ‘total loss’.

Il-Qorti kienet ħatret espert biex jissorvelja l-ħsara tal-vettura u jagħmel stima tagħaha fil-ħin tal-ħruq. Il-qorti kellha bżonn dik l-informazzjoni meta r-raġel tressaq il-Qorti biex tikkalkula d-danni involuti qabel ma tgħaddi għas-sentenza.

Il-Qorti qieset il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, u għaldaqstant, fuq l-ammissjoni volontarja w inkondizjonata tiegħu, il-Qorti iddikjarat li m’għandhiex triq oħra salv li ssib lill-imputat ħati. Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-ammissjoni ferm bikrija, l-fatt li wera kooperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi sa mill-pbidu tal-arrest tiegħu, tal-fatt li dan l-għemil kien ‘out of characte’r, tal-kondotta netta tiegħu u taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

Ghal dawn il-motivi l-Qorti sabet lill-imputat ħati u kkundannatu sentejn priġunerija li qed jiġu sospiżi ghal żmien tliet snin, Il-Qorti spjegat lill-ħati l-konsegwenzi jekk jikkommetti reat ieħor waqt il-perjodu operattiv ta’ din is-sentenza.
Bl-applikazzjoni ta’ l-artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali, Kapitolu 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, ordnat lill-imputat iħallas l-ammont ta’ €258.60 rappreżentanti l-ispejjeż peritali.

Barra minn hekk ordnatlu jħallas l-ammont ta’ €14,000 lil Oguzhan Karadol fi żmien sentejn, b’rati mensili, sakemm is-socjeta assikuratrici ma thallasx hi lill-parte civile u dan skont il-polza mahruga f’ismu. Tali ordni tista’ tiġi infurzata bl-istess mod bħallikieku din ingħatat f’azzjoni ċivili bejn il-ħati u Oguzhan Karadol. Il-Qorti ordnat ukoll Ordni tat-Trażżin fil-konfront tal-imputat favur ta’ Oguzhan Karadol ghal żmien tliet snin.