Lokali

Tirritorna fil-Palazz tal-Verdala l-mixja u l-Passjoni ta’ Kristu

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Bħal fis-snin li għaddew, uħud mill-aqwa atturi ta’ Malta se jingħaqdu f’kast tal-ogħla livell b’għan filantropiku. Vermiglio Theatre Productions hija wara din ir-rapreżentazzjoni li se titella’ fil-ġonna ta’ madwar il-Palazz tal-Verdala fil-Buskett u li se tkun esperjenza unika u interattiva għal dawk kollha li jagħżlu li jattendu. Il-ġonna ta’ madwar il-palazz se jiġu mibdula fit-toroq ta’ Ġerusalemm f’dak il-lejl storiku u l-udjenza nnifisha ser isir parti mportanti minn dak kollu li jkun qed iseħħ. Il-Mixja se tkun qegħda ssir għal darb’oħra taħt il-patroċinju distint, ta’ Dr. George Vella, President ta’ Malta.

L-udjenza se timxi pass pass mal-passjoni ta’ Kristu mill-aħħar ċena sal-Golgota filwaqt li nħawi differenti fil-ġonna se jservu bħala l-isfond għad-diversi xeni li jwasslu din il-ġrajja lill-udjenza bl-iktar mod rejalistiku u personali. Din l-esperjenza drammatizzata tippreżenta l-passjoni ta’ Ġesu Kristu b’mod li l-udjenza tkun tista’ tħoss u tesperjenza
dak kollu li ġara dak in-nhar f’Ġerusalemm. “Il-mod kif qed tiġi ppreżentata din l-esperjenza tal-passjoni hija ntenzjonata sabiex iġġiegħel lill-udjenza tħossha daqs li kieku kienet parti mill-folla li kienet preżenti fl-aħħar jumejn tal-ħajja ta’ Ġesú qabel il-qawmien tiegħu mill-mewt.

Fil-fatt, propju minħabba dan m’aħniex se nużaw l-ebda forma t’amplifikazzjoni waqt il-mixja.” Qal Alan Fenech li qed jidderieġi dan id-dramm. Il-kast jinkludi wħud mill-aqwa atturi ta’ Malta li huma magħrufa sew ma’ dawk kollha li
għandhom għall-qalbhom id-drama fit-tejatri u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin.

Għall-ewwel darba, l-parti ta’ Kristu se tkun f’idejn l-attur żagħżugħ John Vassallo wara li wiret din il-parti propju mingħand Alan Fenech. Il-produzzjoni hija f’idejn Vermiglio Theatre Productions. “Kast t’atturi ta’ din il-kwalita’ huwa garanzija ta’ produzzjoni tal-ogħla livell. L-udjenza se jkollha l-okkażjoni li tara lill-artisti favoriti tagħhom filwaqt li jkunu qegħdin jaħdmu fil-viċin u dan jkompli jżid mal-atmosfera ġa unika grazzi anki għall-kostumi u l-post innifsu” sostniet Michelle Zerafa waħda mill-produtturi kif ukoll assitent direttur tal-Mixja. Il-produzzjoni tinkludi wkoll mużika oriġinali ta’ Ray Zammit.

“Il-Mixja” ser ssir fit-12, 13 u 14 t’April fis-7:30pm. Il-biljetti jiswew €10 biss (tfal taħt it-tnax –il sena jidħlu b’xejn) bil-qliegħ kollu jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Sabiex tiġi ggarantita l-aqwa esperjenza għal dawk li jattendu, il-biljetti huma limitati u għalhekk booking minn qabel huwa rikmandat.

Għal iktar informazzjoni jew biex tirriżervaw postijiet fl-udjenza ċemplu fuq 99576139 jew ibgħatu email fuq ilmixja@gmail.com jew messaġġ fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook Il-Mixja 2022. Wieħed jista’ jżur ukoll is-sit eletroniku uffiċjali www.ilmixja.com u jibbukja online.

Tags