Lokali

Vjolinist Malti ta’ fama internazzjonali b’kunċert ma’ bintu fit-Teatru Manoel

Iktar kmieni:

Il-vjolinist Malti ta’ fama internazzjonali Carmine Lauri dalwaqt se jirritorna b’kunċert fit-Teatru Manoel, akkumpanjat fuq il-pjanu minn bintu Francesca Lauri.

Fir-recital tal-vjolin u tal-pjanu li se jsir fit-13 ta’ April, id-dwett ċelebri magħmul mill-missier u l-bint se jinterpeta programm varjat li jinkludi Sonata in A major KV305 ta’ Mozart, Sonata in G major op 13 ta’ Edvard Grieg, Sonata in A major ta’ César Franck u Four pieces for violin op 17 ta’ Josef Suk.

Massimo Zammit, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel stqarr li “Huwa pjaċir kbir għalina li nilqgħu lil Carmine u l-kunċert tagħhom se jkun opportunità oħra biex wieħed igawdi l-ġmiel ta’ wħud mill-aktar siltiet ta’ mużika klassika li jiġbdu ammirazzjoni, interpretati minn tnejn mill-aqwa mużiċisti internazzjonali, live fuq il-palk tal-Manoel.”

Il-vjolinist Malti Carmine Lauri huwa solist ċelebri, kif ukoll co-leader tal-Orkestra Sinfonika ta’ Londra u guest leader tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Wara li temm l-istudji tiegħu permezz ta’ borża ta’ studju tal-Associated Board fi ħdan l-Akkademja Rjali tal-Mużika f’Londra, il-Mro Lauri ta bosta wirjiet madwar id-dinja, fosthom f’kunċerti quddiem il-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta t-Tieni. Huwa kien concertmaster – jew il-vjolinist ewlieni – għall-Filarmonika ta’ Oxford, l-Akkademja ta’ St Martin in the Fields, l-Orkestra tar-Royal Opera House Covent Garden, il-Filarmonika ta’ Londra, il-Filarmonika ta’ Rotterdam, is-Sinfonija ta’ Bournemouth, Manchester Camerata u l-Orkestra Filarmonika ta’ Hong Kong, taħt bosta surmastrijiet distinti.

Bis-saħħa tas-suċċessi li kiseb tul il-karriera tiegħu, il-Mro Lauri kien elett Associate tal-Akkademja Rjali tal-Mużika (ARAM) u Fellow tal-Akkademja Rjali (FRAM) – u rċieva Ġieħ ir-Repubblika, l-Ordni tal-Mertu Nazzjonali ta’ Malta. Għandu wkoll żewġ recordings bħala solist, li huma Bravura (1994) u Violin Extravaganza (2004).

Il-pjanista Francesca Lauri bħalissa qed tistudja fi Trinity Laban f’Londra bħala Scholar tat-Trinity Scholarship, wara li rċeviet il-boroż ta’ studju tal-Lee Family u Gladys Britton fl-ewwel sena tagħha. Qabel dan, hi kienet tattendi l-iskola tal-mużika Purcell, fejn kienet iddoqq regolarment fil-Fazioli Hall fl-Italja, fir-Royal Scottish Conservatoire fi Glasgow, u bħala parti mis-serje ta’ kunċerti Leeds International Lunchtime. Hija tat ħafna wirjiet f’kunċerti bħala solista, u kkollaborat ma’ diversi kantanti f’kunċerti u kompetizzjonijiet madwar ir-Renju Unit. Is-Sa Lauri qed tħejji biex tattendi l-Kulleġġ Irjali tal-Mużika aktar tard din is-sena.

Carmine and Francesca Lauri – Violin and Piano Recital se jittella’ fit-Teatru Manoel fit-13 ta’ April 2022 fit-8pm. Il-kunċert hu addattat għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar, u hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet kurrenti b’rabta mas-saħħa pubblika.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil bookings.mt@teatrumanoel.mt, billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.

Tags